Internazzjonali

Irlanda ta’ Fuq: Johnson iħeġġeġ lill-partiti għal ftehim ‘dwar il-qsim tal-poter’

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, ħeġġeġ lill-partiti politiċi fl-Irlanda ta’ Fuq biex iżidu l-isforzi għar-restawr ta’ sistema għall-qsim tal-poter. Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ mit-taħditiet li saru f’Belfast  bejn Johnson u l-ħames partiti ewlenin tal-provinċja, u fejn huma trattaw ukoll is-suġġett tal-Brexit.

Intant, Johnson kellu anki laqgħa privata mal-mexxejja tal-partit Democratic Unionist (DUP) tal-Irlanda ta’ Fuq, meta hu jiddependi mill-appoġġ ta’ dan il-partit fis-sitwazzjonijiet fejn iridu jittieħdu voti kruċjali fil-Parlament.

Ir-rapporti qalu li Johnson – waqt il-laqgħat fil-bini tal-Parlament fi Stormont (zona ta’ Belfast) – qal li għalkemm sar ‘il-progress kostruttiv’ fit-taħditiet, jinħtieġ xorta impenn ‘serju u intensiv’ biex il-partiti tal-provinċja jirrealizzaw it-tragward għall-poter komuni.

Is-sorsi infurmati qalu li Johnson informa lill-partiti tal-Irlanda ta’ Fuq li r-Renju Unit se jitlaq ‘żgur’ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru u li l-intenzjoni tiegħu hi li l-ħruġ jibbaża fuq ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati.

Sadanittant u ‘irrispettivament minn kollox’ il-Gvern għadu impenjat għall-Ftehim (storiku) tal-Ġimgħa l-Kbira li ntlaħaq fl-1998 u li, fost oħrajn, kien jinvolvi patt għall-paċi fl-Irlanda ta’ Fuq bis-sehem tal-parti kbira tal-partiti politiċi fil-provinċja. Dan fost l-impenn biex ‘taħt l-ebda ċirkustanzi’ ma jkunu introdotti mill-ġdid iċ-check-points jew infrastruttura oħra għall-kontrolli mal-fruntiera Irlandiża.

Fl-istess ħin, il-Partit Irlandiż Sinn Fein qal li f’każ li jkun iffinalizzat ‘no-deal Brexit’ (fejn ir-Renju Unit iħalli l-UE mingħajr ftehim) il-Gvern għandu jsejjaħ ‘immedjatament’ referendum dwar l-għaqda bejn l-Irlandiżi.

Dan meta l-issue dwar x’għandu jsir fil-fruntiera tal-art bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża wara l-Brexit wasslet għal diviżjoni profonda bejn il-partiti fi Stormont.