L-iskejjel kollha fis-Sudan issospendew il-lezzjonijiet għal żmien indefinittiv wara li numru ta’ tfal tal-iskola sfaw maqtula waqt l-isparaturi li seħħew fost il-protesti.
L-awtoritajiet militari li qed imexxu lill-pajjiż ħarġu d-direttiva speċifika biex l-iskejjel ‘jagħlqu l-bibien’ mill-bieraħ u meta fl-aħħar sigħat kienu għaddejjin id-dimostrazzjonijiet pubbliċi kontra l-qtil brutali tat-tfal.
Numru sostanzjali ta’ studenti, li kienu lebsin l-uniformjiet tal-iskola, ħadu sehem fil-protesti li saru fil-kapitali Sudaniża Khartoum u f’diversi bliet oħra.
L-isparaturi seħħew f’El-Obeid, fl-Istat ta’ Kordofan, u fihom inqatlu talanqas ħames persuni – erba’ minnhom tfal. Għexieren oħra ta’ nies spiċċaw midruba wara li s-snipers u rġiel armati oħrajn fetħu n-nar fuq il-folol li kienu qed jipprotestaw dwar in-nuqqas tal-ħobż u l-fuel.
Id-dimostranti qed jgħidu li l-qtil twettaq minn skwadra ta’ paramilitari, bl-awtoritajiet f’El Obeid jiddikjaraw stat ta’ emerġenza fiz-zona.
L-iskejjel magħluqin jinkludu l-kindergartens u l-iskejjel primarji, bid-direttiva mistennija tibqa’ effettiva sakemm l-awtoritajiet jiddeċiedu mod ieħor.
//= $special ?>