Lokali Qorti

Jammetti għal diversi akkużi, fosthom moħqrija ta’ annimali

Leon Borg ta’ 22 sena fil-Qorti ammetta għal diversi akkużi, fosthom moħqrija tal-annimali, għalhekk kien miċħud li hu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Nhar il-21 ta’ Lulju, f’Birkirkara, omm l-akkużat kienet sejħet għall-għajnuna għax binha ma kienx jidher sew. Dakihar kienu marru ammont ta’ Pulizija minn tal-RIU kif ukoll mid-distrett ta’ Birkirkara.

Fix-xhieda tal-lum, il-Pulizija qalu li dakinhar sabu lill-akkużat fuq il-bejt fejn kellu madwar 45 pillola fuqu. Wara huwa niżel fil-kamra ta’ ħuh, ħadlu l-mobile u sabtu mal-art. Eżatt wara Leon Borg qabad kelb tar-razza Chiuaua u beda jħabbtu mal-gradenza fejn spiċċa miet iktar tard. Wieħed mill-pulizija ġarrab ġrieħi ħfief peress li ż-żagħżugħ irreżista l-arrest.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, qalet li jekk jinstab ħati Borg jista’ jeħel multa ta’ bejn €2,000 u €26,000, kif ukoll sa tliet snin ħabs. Il-Qorti, fuq talba tad-difiża, ordnat li jsir rapport qabel tingħata s-sentenza, waqt li rrakkomandat lid-direttur tal-ħabs biex jara xi ħtiġijiet għandu l-imputat bil-għan li jingħata għajnuna psikoloġika kif ukoll għajnuna għall-vizzju li għandu.

Hekk kif ħareġ mill-Awla tal-Qorti, Loen Borg allegatament qal lill-Pulizija li xehed illum li kien se jpattihielu. Għalhekk il-Maġistrat kellu jerġa’ jsejjaħ lil Borg lura fl-Awla.