Lokali

Jiffriżawlu l-assi wara li froda €6,000

L-Awtorita' tal-Ippjanar

Raġel ta’ 55 sena mill-Għargħur inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi li ffroda €6,000.

Il-każ seħħ f’Ġunju tas-sena l-oħra, meta John Micallef qal lill-vittma li seta’ jgħinha biex tikseb permessi mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar. Iżda malli trasferietlu l-flus, qatt ma ratu aktar.

Wara diversi tentattivi mill-Pulizija biex issib lil Micallef, dan baqa’ ma nstabx, lanqas fid-dar tiegħu – u għalhekk inħareġ mandat ta’ arrest.

Wara bosta xhur ta’ tfittxija, ir-raġel intlemaħ ilbieraħ fil-Mosta u ġie arrestat.

Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, għaliex fl-aħħar xhur kien qed jingħata kura medika anke barra l-pajjiż. U żiedet li issa għandu xogħol fiss mad-dipartiment tal-edukazzjoni.

Kompliet li fl-istqarrija għamilha ċara li jrid jirritorna is-€6,000 sal-aħħar t’Awwissu. Qalet li jekk ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest, se jipperikolalu x-xogħol li bih irid irodd il-flus lura.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li hemm tliet xhieda li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti ċahdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużat.