Festi Kultura Lokali Mużika

Jirritorna l-Kunċert Annwali ta’ orkestra żagħżugħa Melleħija

Kunċert Annwali li jservi ta' preludju għall-Kunċert tal-Festa

Il-Junior Choir and Orchestra, fi ħdan l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa, se ttella’ l-kunċert annwali tagħha nhar il-Ħamis l-1 t’Awwissu fis-7.30 ta’ filgħaxja.

Għażla vasta ta’ mużika klassika, pop, moderna u tal-films fost l-oħrajn se żżewwaq dan il-kunċert minn din l-orkestra żagħżugħa, li se jittella’ biswit is-sede tal-istess għaqda fi Triq il-Parroċċa, il-Mellieħa, taħt id-direzzjoni ta’ Wayne Bartolo u Kristina Marie Vella. Mal-orkestra żagħżugħa se jingħaqdu numru mużiċisti tfal u studenti ta’ din l-istess Għaqda.

Fl-aħħar ta’ dan il-kunċert, li se jfakkar l-10 sena mit-tqegħid tal-ewwel ġebla tas-sede, l-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina se żżanżan frontispizju ġdid maħdum mill-membru tal-Għaqda, Edward Debono.

L-appuntament annwali li jsegwi għal din l-Għaqda ikun il-kunċert annwali tal-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Ħadd l-1 ta’ Settembru fil-Pjazza tal-Parroċċa fl-okkażżjoni tal-festa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa, kunċert li kiseb popolarita’ kbira u li jkun mistenni minn ħafna.