Lokali

L-APS Bank jirreġistra riżultati b’saħħithom għall-ewwel nofs tal-2019

L-APS Bank ħabbar li kellu prestazzjoni operattiva b’saħħitha sew fuq il-livell tal-Grupp kif ukoll tal-Bank fl-ewwel nofs tal-2019.

Siltiet mill-kontijiet mhux verifikati tal-Bank għas-sitt xhur li għalqu fit-30 ta’ Ġunju 2019 ġew żvelati wara li kienu ppreżentati lbieraħ waqt laqgħa tal-Bord tad-Diretturi. L-elementi ewlenin tal-introjtu tal-Bank baqgħu juru l-istess tkabbir uniformi bħal ma kellhom fl-istess perjodu tal-2018.

Fuq il-livell tal-Bank, id-dħul nett mill-imgħax kiber b’14.4% waqt li d-dħul nett mhux mill-imgħax (l-aktar mid-drittijiet u kummissjonijiet) żdied bi 11.9%. Konsegwentement id-Dħul mill-Operat kiber bi 13.9%, minn €22.9 miljun fl-2018 għal €26.1 miljun fl-2019.

Minkejja l-pressjoni kostanti tal-ispejjeż għall-investiment fil-ħaddiema u spejjeż oħra tal-operat, bħal m’huma dawk għar-riskju u l-osservanza, it-teknoloġija, is-sigurtà u t-trasformazzjoni tal-proċessi, li dejjem isiru biex ikun sostnut it-tkabbir bil-galbu tan-negozju, l-effiċjenza tal-kosti nżammet f’livell ta’ madwar 53%.

Il-Profitt Qabel it-Taxxa kien ta’ €11.4 miljun (2018 – €10.5 miljun), li jfisser żieda ta’ 8.6% fuq tas-sena l-oħra. Għalkemm dawn iċ-ċifri huma fil-parti l-kbira riflessi wkoll fil-livell tal-Grupp, ir-riżultati konsolidati juru wkoll iċ-ċaqliq favorevoli fil-valur ġust fl-APS Diversified Bond Fund matul dawn is-sitt xhur, li għen biex il-Profitt tal-Grupp Qabel it-Taxxa tela’ għal €14.9 miljun meta mqabbel mad-€9.3 miljun fl-2018.

L-attività fil-pożizzjoni finanzjarja tibqa’ l-mutur ewlieni wara dan it-tkabbir, hekk kif il-ġbir tad-depożiti u l-għoti tas-self kibru b’5.5% u 8.6%, għal €1.74 biljun u €1.45 biljun rispettivament, mill-31 ta’ Diċembru 2018. Il-likwidità għolja minn banda l-waħda tippermetti li l-Liquidity Coverage (LCR) u n-Net Stable Funding (NSFR) Ratios jinżammu sew ’il fuq mill-minimu li jitolbu r-regolamenti; u mill-banda l-oħra l-likwidità żejda ġġib magħha sfidi oħra f’ambjent fejn għadhom jippersistu r-rati tal-imgħax baxxi jew saħansitra negattivi.

Waqt li l-Bank jibqa’ ottimist dwar il-prospetti ta’ tkabbir skont il-miri tal-Pjan Kummerċjali tiegħu għall-2019-2021, jista’ jkun li l-istrateġiji ta’ finanzjament ikollhom jiġu aġġustati biex l-ispread ikun ikkontrollat bl-aktar mod li jaqbel.

F’Mejju li għadda l-Bank irċieva €13-il miljun f’kapital ġdid tal-Ewwel Saff (CET1), hekk kif ikkonkluda l-ħruġ ta’ ishma bi dritt illi, kif imħabbar, u miżjud mal-qligħ imfaddal mill-2018, immarka l-għeluq tal-Ewwel Fażi tal-Pjan għall-Iżvilupp tal-Kapital. 

Din l-injezzjoni ta’ kapital mhux talli tgħin biex il-Bank ikollu suffiċjenza ta’ kapital imma sservi ta’ bażi soda għall-progress tiegħu fil-futur. Il-proporzjon tal-Kapital CET1 fl-aħħar ta’ Ġunju kien ta’ 14%, ’il fuq sew mill-minimu statutorju. Ir-relazzjonijiet l-aktar importanti tar-riżultati għas-self li ma jirrendix (NPLs) u l-profittabilità (ROAE aġġustat) baqgħu sodi, fil-livell ta’ 3.1% u 10% rispettivament.

Aktar informazzjoni dwar il-finanzi tal-Grupp tal-Bank tinsab fit-tabelli mehmuża.

Meta tkellem fuq ir-riżultati l-Kap Eżekuttiv tal-Bank Marcel Cassar qal: “L-APS Bank qiegħed jissokta bil-pjani tiegħu li jżid l-iskala tan-negozju tiegħu abbażi ta’ mudell li fil-qalba tiegħu jħares lejn tkabbir selettiv u diversifikazzjoni, sew tal-finanzjament kif ukoll tal-bażi tal-kreditu. Fl-istess ħin qed inkomplu l-ħidma biex insaħħu l-governanza, il-kontroll tar-riskju u t-teknoloġija bil-ħsieb li l-esperjenza tal-klijenti magħna nagħmluhielhom aktar rikka, imma b’sigurtà u bi prudenza. Bil-mod il-mod qed nirbħu aktar mis-sehem tas-suq, u dan f’ambjent li għadu kompetittiv u ta’ sfida.”