Lokali

“L-ebda twessigħ ta’ toroq mhu biżżejjed”

L-ebda ammont ta’ twessigħ tat-toroq mhu se jtaffi mill-problema dejjem tikber taż-żieda fl-ammont ta’ karozzi fit-toroq Maltin, u l-konsegwenzi li din iż-żieda qed iġġib fuq it-traffiku f’pajjiżna.

Sostniet dan l-ekonomista Marie Briguglio wara analiżi tal-istatistika maħruġa mill-NSO dwar l-ammont ta’ karozzi rreġistrati Malta, u r-rata ta’ tkabbir f’dawn l-aħħar tliet snin.

Briguglio qalet li bejn l-ewwel kwart tal-2016 u l-ewwel kwart ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ 8% f’karozzi privati li jammontaw għal madwar 38,400 karozza… total ta’ 32 karozza ġdida kuljum fl-ahhar sentejn u nofs.

F’artiklu f’The Malta Independent, Marie Briguglio ssostni li f’Malta hawn 388,000 karozza fi spazju ta’ 312-il kilometru kwadru. Kieku jkollok tpoġġi dawn il-karozzi kollha wara xulxin, għandna bżonn 172,000 metru… kważi daqs id-distanza bejn Malta u Katanja. Għalhekk l-ebda ammont ta’ twessigħ ta’ toroq qatt mhu se jkun biżżejjed.

It-tħassib ta’ Briguglio ikompli jizdied ma’ dawk ta’ diversi esperti oħra li wkoll esprimew l-opinjoni tagħhom dwar il-proġetti infrastrutturali li qed jagħmel il-Gvern… bl-aħħar wieħed ikun dak tas-Central Link. Proġett kontroversjali li qed iqajjem rabja kbira minħabba l-ammont ta’ ħsara li se jagħmel lill-ambjent, fosthom minħabba t-tqaċċit ta’ siġar. Tant li l-Ħadd li għadda kienu diversi n-nies li marru jipprotestaw kontra dan il-proġett.

Ħafna qed isostnu li d-direzzjoni li qed jieħu l-Gvern f’tentattiv biex itejjeb l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhi xejn ħlief soluzzjoni temporanja, li fl-aħħar mill-aħħar ma tnaqqasx id-dipendenza fuq karozzi privati.

Ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li Malta għandha 613-il karozza rreġistrata għal kull 1,000 persuna. Dan ifisser li pajjiżna jikklassifika fir-raba’ post fl-Ewropa wara l-Fillandja, l-Italja u l-Lussemburgu.