Sport Waterpolo

Nagaev u Vlahovic konfermati ma’ Marsaxlokk għas-sena d-dieħla

Mix-xellug: Ivan Nagaev, il-kowċ Joe Cremona, id-Direttur ta' Brown's Pharma Alexander Fenech, il-President Victor Fenech u Andrija Vlahovic

Il-klabb tal-waterpolo Marsaxlokk għamel dikjarazzjoni tal-intenzjonijiet tiegħu fil-futur hekk kif ħabbar li ż-żewġ barranin preżenti Ivan Nagaev u Andrija Vlahovic ġew konfermati għall-istaġun tas-sajf tas-sena d-dieħla. Nagaev jilgħab ma’ Marsaxlokk is-sena d-dieħla jekk ir-Russja ma tikkwalifikax għall-Olimpjadi. Jekk dan iseħħ allura Nagaev jilgħab max-Xlukkajri fl-2021.

Iż-żewġ plejers kienu strumentali biex Marsaxlokk kisbu post fil-Kampjonat Premier wara li fil-fażi preliminari spiċċaw fit-tielet post fi Grupp B wara rebħiet kontra Otters, Ta’ Xbiex u dik determinanti kontra Valletta.

Għalkemm ħafna ħasbu li ladarba għamluha għall-Kampjonat Premier, huma se jkunu qed isofru telfiet kbar, Marsaxlokk kellhom prestazzjonijiet pożittivi u anki rnexxielhom jirbħu kontra Exiles. Dan minbarra li fit-telfiet l-oħra ma għamluhix faċli, l-aktar kontra Sirens hekk kif it-tim minn San Pawl il-Baħar aċċerta mir-rebħa fl-aħħar żewġ minuti tal-logħba.

Il-Kroat Vlahovic lagħab l-aħħar żewġ staġuni ma’ Marsaskala fl-Ewwel Diviżjoni. Hu kien l-aktar plejer influwenti tat-tim immexxi minn Pierre Borg hekk kif spiċċa fiż-żewġ okkażjonijiet bħala l-aqwa skorer tad-diviżjoni. Fl-2017 Vlahovic skorja 50 gowl minn 12-il logħba fil-kampjonat filwaqt li fl-2018 skorja 39 gowl minn 14-il logħba tal-kampjonat. Fil-logħbiet tar-Rawnd Preliminari u l-Kampjonat Premier, Vlahovic skorja 41 gowl flimkien ma’ doppjetta fit-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports kontra Marsaskala.

Għar-Russu Ivan Nagaev din hi l-ewwel esperjenza fil-kampjonat Malti. Hu ħalla impatt mill-ewwel meta kien strumentali fir-rebħa ta’ 13-8 li x-Xlukkajri għamlu kontra Marsaskala fit-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports, b’Nagaev jiskorja seba’ gowls. Hu kompla jispikka fil-logħbiet tar-Rawnd Preliminari u l-Kampjonat Premier hekk kif fi 11-il logħba skorja 61 gowl u jinsab l-aqwa skorer.

F’kumment li dan is-sit ħa lill-President ta’ Marsaxlokk, Victor Fenech qal li ddeċidew li jikkonfermaw lil Nagaev u Vlahovic minħabba li diġà kien hemm timijiet oħra li bdew jaraw il-possibbiltà li jakkwistawhom. Hu żied li l-ħsieb tagħhom hu li jibqgħu jilagħbu fil-Kampjonat Premier u jkunu ta’ sfida akbar għat-timijiet il-kbar.

Intant Marsaxlokk u Brown’s Pharma ġeddew is-sħubija tagħhom flimkien b’sentejn oħra. Ir-relazzjoni kienet saret uffiċjali minn Ottubru tal-2017 u minn dakinhar, huma lagħbu rwol importanti biex Marsaxlokk rebħu t-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports u l-Ewwel Diviżjoni s-sena l-oħra filwaqt li kompliet titjieb l-iskwadra mmexxija minn Joe Cremona. Il-kuntratt ġie ffirmat mill-President ta’ Marsaxlokk Victor Fenech u d-Direttur ta’ Brown’s Pharma Alexander Fenech.