Lokali

Riforma tal-postsekondarja: X’se jiġri lil-letteratura?

Il-Fondazzjoni HELA (The Hub for Excellence in the Literary Arts) tinnota b’dispjaċir li r-riforma proposta mill-MATSEC ma tagħmilx ġieħ lill-wirt letterarju Malti. Il-miżuri proposti jnaqqsu l-aċċess u l-promozzjoni tal-letteratura Maltija, prinċipji li HELA tħaddan sabiex l-udjenzi kollha li jgawdu mill-prodott letterarju Malti fil-forom kollha tiegħu jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw minnu.

Il-proposti msemmija jkomplu jgħarrqu l-kapaċitajiet intellettwali li l-letteratura tipprovdi lill-qarrejja, kemm biex jartikolaw il-ħtiġijiet kwotidjani tagħhom b’idjoma mirquma, kif ukoll biex jifhmu d-dinja ta’ madwarhom. Għaldaqstant, l-istudju u l-apprezzament tal-letteratura ma jistax jitqies biss fid-dawl ta’ litteriżmu. HELA tistaqsi lill-MATSEC, xi trid tfisser b’komunikazzjoni u profiċjenza msemmija fid-dokument konsultattiv dwar ir-riforma tal-postsekondarja.

L-istess dokument jagħmel użu minn termini u frażijiet bħall-integrazzjoni tal-kultura f’kuntest komunikattiv jew tisħiħ f’ħiliet tas-seklu wieħed u għoxrin li fihom infushom jirriflettu nuqqas t’għarfien u apprezzament tal-impatt u r-relevanza tal-wirt lingwistiku u letterarju tagħna għas-soċjetà Maltija kontemporanja.

Is-sistema edukattiva tkun qed taqdina meta tħallina nimirħu u nsibu triqitna skont il-bżonnijiet u d-dispożizzjonijiet individwali tagħna. Li wieħed ikun jaf jaqra u jifhem u jitħaddet il-lingwa ma jfissirx li kiseb l-elokwenza neċessarja biex jagħraf il-kumplessitajiet tal-ħajja. Fil-qofol tiegħu dan jinkludi l-identitajiet kollha li l-bniedem jgħaddi minnhom matul ħajtu u mhux identità miksuba miċ-ċittadinanza. L-elokwenza tiġi mill-ftuħ li toffri l-letteratura fil-wisgħa tagħha u mhux bi sforzi li jillimitaw l-esperjenza intellettwali, f’mument kruċjali tal-iżvilupp taż-żgħażagħ, għal ftit lingwi “Ewropej”.

HELA diġà qed taħdem biex tkattar l-għodod u riżorsi edukattivi li jsaħħu l-aċċess u l-promozzjoni tal-kitba kreattiva Maltija, għax nemmnu li t-tisħiħ tal-letteratura tagħna jittraduċi ruħu f’tisħiħ fl-oqsma soċjo-kulturali kollha, miċ-ċittadinanza attiva sal-ekonomija.

HELA tixtieq tara sforzi konkreti li jirrikonoxxu s-sehem kbir li l-kittieba jagħtu lis-soċjetà tagħna għax fl-aħħar mill-aħħar huma l-kittieba li kontinwament jiffurmaw l-immaġinazzjoni u l-memorja kollettiva tagħna. Ikun nuqqas tassew gravi jekk nitilfu ‘l dawk li jfakkruna mnejn ġejjin, min aħna u fejn sejrin.