Sport Waterpolo

Sebastian Busuttil grat li minkejja l-età tiegħu qed ikun fl-iskwadra ewlenija ta’ Neptunes

(Ritratt: Trevor Sollars)

Sebastian Busuttil, plejer ta’ 16-il sena li fl-aħħar xhur għamel titjib sinifikanti u qed jistabbilixxi ruħu bħala wieħed miż-żgħażagħ promettenti tal-waterpolo lokali. Busuttil jilgħab ma’ Neptunes mal-iskwadri ta’ taħt is-17 u l-20 sena kif ukoll qed jissejjaħ mal-iskwadra ewlenija taċ-champions lokali Neptunes, taħt it-tmexxija tal-kowċ Jovan Popovic.

Busuttil jifforma parti mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena u kien parti importanti mill-kwalifikazzjoni li ż-żgħażagħ Maltin kisbu f’Mejju li għadda, biex ix-xahar id-dieħel se jipparteċipaw fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li se jsir fi Tbilisi l-Georgia. F’ħames logħbiet fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni, Busuttil skorja gowl kontra l-Polonja, tripletta kontra l-Iżvizzera, erba’ gowls kontra r-Repubblika Ċeka u gowl kontra l-qawwa tal-Greċja.

Il-karatteristiċi u l-preġji ta’ Sebastian Busuttil

Tkellimt mal-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo dwar x’jaħseb li huma l-karatteristiċi prinċipali ta’ Sebastian Busuttil. “Naħseb il-karatteristiċi tiegħu huma l-persuna tiegħu, jiġifieri hu persuna kbira, b’saħħtu. Dedikat ħafna jiġifieri, li jittrenja ħafna, jiena qatt ma kelli problema bih. Naf li jrid jitgħallem, irid dejjem jitjieb fil-logħba tiegħu u naħseb li huwa plejer li fil-futur, jekk jibqa’ sejjer b’dan ir-ritmu li sejjer, nisimgħu bih żgur.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

Preġji ta’ Sebastian Busuttil huma żgur l-umiltà u l-edukazzjoni tiegħu, hekk kif staqsejtu x’jgħaddi minn moħħu l-fatt li tal-età tiegħu diġà qed jilgħab mat-tim ewlieni ta’ Neptunes. “Jiena ninsab onorat ovvjament, anki jekk nilgħab minuta kull logħba jew anqas imbagħad mat-tim tan-Neptunes għax bħalissa għaddejjin minn żmien tajjeb ħafna. Ovvjament jien nirringrazzja lill-kowċis tiegħi li ma’ kull ċans li jtuni, nipprova nieħu dak li nista’ minnu.”

Il-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic qal li Sebastian hu tifel tajjeb, hu plejer li qatt ma jgħid xejn u żied li kull kowċ irid persuna bħalu fit-tim. Popovic tenna l-kuntentizza tiegħu kif jitħarreġ u kif jaħseb fuq dan l-isport. “Huwa centre li mhux centre slow jiġifieri hu centre li jgħum ukoll. Jien għalhekk ukoll jogħġobni għax ma jkunx hemm ħarbiet kontrih ukoll. Seb hu l-plejer li qatt ma jirrispondi, tim plejer, l-iktar plejer li jagħmilli t-team spirit fit-tim nazzjonali, jiġifieri jiena kliem ta’ tifħir biss għandi,” qal Karl Izzo.

Iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena hu wieħed mill-ftit centres puri tal-età tiegħu u l-fiżika li għandu tgħinu biex jissielet f’pożizzjoni tal-pitch li hi kruċjali fl-attakk. Minkejja li jista’ jagħti l-impressjoni li hu tqil, Karl Izzo għandu idea totalment differenti. Karl Izzo jemmen li l-aħjar element tiegħu hu l-aġilità li għandu fis-centre u s-saħħa li għandu għaliex hu plejer potenti, xi ħaġa li Izzo jemmen li tgħinu ħafna.

(Ritratt: Trevor Sollars)

Iċ-ċans ta’ Busuttil mat-tim ewlieni ta’ Neptunes

Għalkemm ma jkunx regolari mat-tim tal-kbar, żagħżugħ bħal Sebastian Busuttil, japprezza l-fatt li qed ikollu din l-opportunità. Hu qalli li diġà hu ta’ unur għalih li jitħarreġ magħhom għaliex huma plejers ta’ esperjenza u kwalità kbira. “Ovvjament titħarreġ magħhom kuljum, ħa titjieb għax qed tilgħab ma’ nies li huma ta’ kwalità aktar minni, ta’ saħħa aktar minni u ta’ esperjenza akbar minni allura anki jekk pereżempju nitħarreġ tliet darbiet fil-ġimgħa magħhom, contact magħhom nitgħallem xi ħaġa minnha.”

Ix-xamma għal gowl ta’ Busuttil, dehret ukoll f’dan il-kampjonat tas-sajf, hekk kif fil-ftit ħin li lagħab, hu rnexxielu jiskorja darbtejn kontra Ta’ Xbiex u Valletta. Il-kowċ ta’ Neptunes, il-Montenegrin Jovan Popovic jagħmel referenza għall-prestazzjoni ta’ Busuttil mat-tim nazzjonali iżda jwissi dwar id-differenza li hemm bejn l-etajiet. Hu qal li għalkemm jinsab kuntent bih, saħaq li għall-età tiegħu hu tajjeb fil-pożizzjoni tipika tiegħu, iżda hemm differenza kbira bejn il-kategorija ta’ taħt is-17 u l-20 sena kif ukoll il-kbar.

Ma’ Neptunes, fil-preżent hemm Jeremy Abela u l-Kroat Petar Muslim li jilagħbu t-tnejn fis-centre li hi l-aħjar pożizzjoni ta’ Sebastian Busuttil. Iż-żagħżugħ promettenti jitkellem fil-pożittiv dwar dawn iż-żewġ plejers u x’qed jitgħallem minnhom. “Dawn iż-żewġ plejers nista’ nitgħallem minnhom għax il-ħin kollu waqt it-taħriġ, il-ħin kollu nitħarreġ magħhom kif ukoll li huma l-ħin kollu jgħiduli x’irrid nagħmel, b’daqsxejn ideat kif irrid intejjeb il-logħba tiegħi u kif ukoll jgħiduli pereżempju daqsxejn iktar il-fehma tal-logħba, biex il-logħba tiegħi titjieb.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-influwenza ta’ missieru

Sebastian hu iben Alex Busuttil, eks plejer tal-futbol li l-aħjar tal-karriera tiegħu kien fis-snin 90. Kemm jgħin meta żagħżugħ fl-isport ikollu xi ħadd mill-ġenituri relatat mal-isport? “Missieri jgħini ħafna, missieri l-ħin kollu jtini l-pariri mhux biss fuq il-waterpolo però fuq l-isport. Kif nitratta man-nies l-oħrajn, kif nitratta r-rivali tagħna. Ukoll missieri l-ħin kollu jtini parir mhux bħala logħob, kif inkun ġentlom barra l-ilma wkoll.”

Kwalitajiet ta’ żagħżugħ promettenti

Sebastian Busuttil, edukat, ferrieħi, determinat u jaf fejn irid jasal. Konxju li mal-kowċis ta’ Neptunes jitgħallem xi ħaġa kuljum u grat tal-irwol li jingħata mill-kowċ nazzjonali ta’ Malta. Iżda fuq kollox irid ikun ta’ eżempju għal ħaddieħor. “Jiena nemmen li jekk qed tilgħab ma’ ta’ daqsek u trid titħarreġ fl-istess ħin ma’ akbar minnek, trid tagħti eżempju u trid turi li actually qed tilgħab ma’ ta’ akbar minnek. Trid turi s-saħħa li għandek bħala plejer waqt it-taħriġ kif ukoll waqt il-logħob.”

Dawn huma kredenzjali ta’ żagħżugħ li jekk ikompli jtejjeb il-livell tiegħu, nistgħu narawh ukoll jagħmel esperjenza barra pajjiżna, xi ħaġa li għalih hi l-ħolma tiegħu. Iżda sakemm jasal għal din il-mira, nħallu lil Sebastian Busuttil ikompli jitjieb u jkun utli għat-tim tiegħu kif ukoll għat-timijiet nazzjonali.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television

Il-programm kollu Man Up+ tat-Tnejn li għadda jista’ jinstab f’dan il-link fuq Net On Demandhttps://netondemand.mt/play/3187

Tags