Futbol Sport

Sliema jakkwistaw lil Cisotti mingħand Mosta

Akkwistat ukoll Antonio Stelitano

Sliema Wanderers għamlu żewġ akkwisti li se jkomplu jsaħħu l-iskwadra mmexxija minn Alfonso Greco. L-aktar wieħed importanti hu dak ta’ Juri Cisotti li għelbu l-konkorrenza ta’ Hibernians biex laħqu ftehim ma’ Mosta u mal-plejer.

Fil-bidu ta’ Lulju, it-Team Manager ta’ Hibernians Jesmond Abela kien ikkonferma li huma qablu ma’ Mosta u kien fadal biss biex il-plejer jilħaq ftehim mal-klabb. Cisotti li hu plejer offensiv u jilgħab fuq il-linja xellugija, ingħaqad ma’ Mosta l-istaġun li għadda u kien wieħed mill-plejers importanti tal-Mostin.

Il-plejer l-ieħor hu Antonio Stelitano li għalih se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna. Hu għandu esperjenza vasta ma’ diversi klabbs u wara li beda l-karriera fl-Italja, fl-2012 ingħaqad mal-klabb Arġentin Real Arroyo Seco.

Minn dakinhar hu lagħb ukoll fir-Rumanija, il-Mongolja, Spanja, il-Litwanja u r-Repubblika Dominikana. Fl-2014 hu lagħab ma’ Parma. Stelitano kapaċi jilgħab bħala difensur fuq il-lemin jew f’nofs il-grawnd.