Internazzjonali

Stati Uniti: Differenzi bejn id-Demokratiċi dwar l-immigrazzjoni u l-kura tas-saħħa

Għaxar kandidati – tliet nisa u seba’ irġiel — li qed jittimaw li jisfidaw għall-Presidenza Amerikana fuq it-tikketta tal-Partit Demokratiku ħadu sehem f’dibattitu mqanqal organizzat f’Detroit u li mill-ġdid ixxandar lill-elettorat fl-Istati Uniti.

L-avveniment ta’ sagħtejn kien iddominat bid-diskussjonijiet dettaljati dwar diversi aspetti ta’ politika. Intant, waqt id-dibattitu, Elizabeth Warren, is-Senatur ta’ Massachusetts u Bernie Sanders, is-Senatur veteran minn Vermont, kellhom jirribattu għall-attakki mill-kollegi aktar moderati.

Warren u Sanders kienu l-aktar kandidati liberali fost il-grupp partikulari u l-kandidati l-oħrajn ikkritikawhom għal politika li, skont huma, ‘ma tistax titqies bħala realistika’. Ingħad ukoll li l-politika proposta minn Warren u Sanders ‘mhix l-aħjar triq ‘il quddiem’ għall-Partit Demokratiku li qed jistinka biex jieħu lura l-poter fl-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, spikkaw id-differenzi bejn il-kandidati dwar l-immigrazzjoni u l-kura tas-saħħa li dejjem kienet issue importanti għad-Demokratiċi. Is-settur tas-saħħa, is-sena l-oħra, ukoll ingħata profil għoli fl-elezzjonijiet magħrufa bħala tal-mid-term, ( jiġifieri nofs il-mandat tal-poter attwali) fl-Istati Uniti.

Id-dibattitu dwar l-immigrazzjoni konċentra dwar jekk l-immigranti għandhomx ikunu proċessati bħala kriminali f’sitwazzjonijiet fejn jidħlu fl-Istati Uniti mingħajr dokumenti xierqa. Hawnhekk id-diżgwid fundamentali kien dwar ‘jekk għandhomx jinbidlu l-liġijiet attwali pertinenti’.

Fid-dibattitu ta’ Detroit ħa sehem ukoll Pete Buttigieg, il-kandidat ta’ nisel Malti u li fil-preżent għandu r-rwol ta’ Sindku ta’ South Bend, fl-Istat ta’ Indiana. Intant, dan il-lejl se jsir dibattitu ieħor bejn għaxar Demokratiċi oħra.

Ir-rebbieħ tan-nomina għall-kandidat Demokratiku li se jikkuntesta għall-White House jitħabbar f’Lulju li ġej waqt il-konvenzjoni tal-partit. L-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti, imbagħad issir f’Novembru tal- 2020.