Lokali

Adrian Delia jiltaqa’ mal-Kunsill tal-MUMN

Id-Diffikultajiet biex ikunu attirati biżżejjed infermieri u l-ġerħa li hu l-Isptar Mount Carmel kienu fost it-temi ewlenin ta’ laqgħa bejn il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-Kunsill il-Ġdid tal-MUMN immexxi mill-President Paul Pace.

Fid-Dar Ċentrali, Adrian Delia fisser kif dawn iż-żewġ problemi, huma l-ikbar sfidi li qed jiffaċċja bħalissa s-settur tas-saħħa. Hu qal li l-fatt li mhux qed nattiraw biżżejjed żagħżagħ għal din il-professjoni qed ifisser li l-pazjenti mhux qed jingħataw wens minn persuna tal-lokal li tista’ tifhimha, speċjalment pazjenti anzjani.

Dwar Mount Carmel, Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni hemmhekk saret xempju ta’ x’m’għandux isir fil-qasam tas-saħħa.

Min-naħa tiegħu, Paul Pace qal li din il-laqgħa hi parti minn sensiela ta’ laqgħat li qed jagħmel il-Kunsill il-ġdid tal-MUMN.

Dwar in-nuqqas ta’ infermieri, Paul Pace qal li s-settur tas-saħħa qed jespandi u minkejja r-reklutaġġ tal-gradwati kollha mill-Universita ta’ Malta, xorta waħda hemm bżonn ta’ 300 infermieri barranin.

Rigward is-sitwazzjoni f’Mount Carmel, il-President tal-MUMN qal li l-istat tal-post huwa wieħed li jweġġa’. Sostna li llum il-ġurnata, l-istigma mhux marbuta mal-mard mentali innifsu iżda mal-istituzzjoni u l-bini ta’ Mount Carmel.

Kompla li minkejja d-diffikultajiet, l-infermieri qed jagħtu l-aqwa servizz possibbli lill-pazjenti.Preżenti għall-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, il-Kelliem għall-Anzjanita’ Attiva u Persuni b’Diżabilita’ Maria Deguara u l-President ta’ Solidarjeta’ Ħaddiema tal-PN Ivan Castillo.