Lokali

Adrian Delia jiltaqa’ mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth

L-Istati Żgħar Membri tal-Commonwealth huma forza għal bidla. Dan kien muri f’diversi inizzjattivi fosthom dik minn Malta lejn l-aħħar tas-snin 80 li kienet pijunier fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

Sostniet dan is-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, il-Barunessa Scotland, waqt laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-Dar Ċentrali.

Adrian Delia qal li ħafna drabi, Stati Żgħar huma iktar interessati x’jiġri madwarhom għaliex huma iktar affetwati minn fatturi esterni minn pajjiżi ikbar. Min-naħa l-oħra, iċ-ċokon tagħhom ifisser li l-leħen tagħhom ma tantx iwassal.

Iżda organizzazzjonijiet bħall-Commonwealth, li 31 mit-53 Membru huma Stati Żgħar, flimkien iwasslu vuċi qawwija u  ta’ persważjoni.

Min-naħa tagħha, il-Barunessa Scotland qalet li minbarra n-numru kbir ta’ Stati Żgħar, il-Commonwealth għandu firxa dinjija ikbar minn kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali oħra.Preżenti għall-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roslyn Borg Knight.