Għandna Gvern li bħal donnu ddikkjara gwerra ħarxa fuq l-ambjent f’pajjiżna – Gvern li bħalissa għaddej f’ferneżija ta’ tqaċċit ta’ siġar bl-addoċċ f’postijiet differenti f’pajjiżna.

Donnha xi xena ta’ xi film tal-biża’ d-dehra li ħa masġar ċkejken li kien jinsab faċċata ta’ dik li kienet id-dar tal-eks Prim Ministru Malti Dom Mintoff, u li jagħti għal fuq Triq tal-Barrani, masġar li kien joffri pulmun f’nofs triq traffikuża li minnha jgħaddu eluf ta’ karozzi kuljum.

Filfatt, fl-aħħar jiem beda t-tqaċċit ta’ dawn is-siġar u huwa mistenna li f’Santa Lucija biss jitqaċċtu mat-300 siġra.
Din il-fissazzjoni tal-Gvern li jqaċċat kważi b’mod sfaċċat dawn il-mijiet ta’ siġar qed tqanqal ħafna rabja fost il-pubbliku, tant li kif rajna l-Ħadd li għadda, s-soċjetà ċivili qed tingħaqad f’attivitajiet ta’ protesta u kundanna.
Issa, Sasha Vella, iż-żagħżugħa Mostija li kienet il-moħħ wara l-protesta tal-Ħadd li għadda li għaliha attendew mijiet ta’ persuni, tefgħet post fuq Facebook b’rabta mal-massakru tas-siġar f’Santa Lucija, fejn saqsiet min hu lest ghal protesta ohra.
Intant ironiku l-post li tefa’ fuq Facebook il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera ftit tal-ġranet ilu li tgħid li meta s-siġar kollha jkunu jitqaċċtu, meta l-annimali kollha jmutu, meta l-ilma kollu jkun ivvelenat, meta l-arja ma tkunx sigura biex nieħdu n-nifs, hemm biss nindunaw, li ma tistax tiekol il-flus.

Post ironika meta tqis il-mod kif dan il-Gvern għaddej bl-isfreġju fuq is-siġar fit-toroq tagħna.




