Liu Zhongtian – il-biljunarju Ċiniż li xtara passaport Malti fl-2015 – issa, isem dan il-biljunarju qed iħammeġ isem Malta mad-dinja kollha.
Liu Zhongtian ġie akkużat fl-Istati Uniti fuq allegazzjonijiet li evada 1.8 billjun dollaru amerikan f’tariffi fuq l-importazzjoni tal-aluminju…miċ-Ċina għall-Amerika.

Il-prosekuturi akkużaw lil Liu li uża l-kumpanija tal-aluminju biex idahhal b’kutrabandu ammonti kbar ta’ metall fl-Istati Uniti premezz tad-ditta, China Zhongwang Holding, kumpanija li hi t-tieni l-akbar tat-tip tagħha fid-dinja.
Fl-akkuzi, qed jigi allegat li dan iċ-Ċiniz b’ċittadinanza Maltija kellu skema ta’ ħasil ta’ flus massiva.
Huwa rappurtat li dan huwa wieħed mill-ikbar każijiet mressqa mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti… tant li ħafna mill-24 akkuża għandhom piena massima ta’ 20 sena ħabs, li jfisser li Liu jista’ jeħel sa massimu 465 sena ħabs.

Il-Wall Street Journal irrapporta li ħareġ mandat ta’ arrest għal Liu meta dan probabilment jinsab fiċ-Ċina… fejn għex minn dejjem, anke jekk ghandu indirizz Malti sabiex akkwista l-passaport.
Dan il-Malti-Ċiniż, sar Malti sena wara li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ta l-oppotunità lis-sinjuruni biex jakkwistaw ċ-ċitadinanza… anke jekk dak iż-żmien isem Liu kien diġa fil-media internazzjonali fuq allegazzjonijiet serji.

Hu rnexxielu jakkwista ċ-ċitadinanza Maltija anke jekk hi kontra l-liġi Ċiniża li tagħmel dan. Fl-istess waqt, il-Gvern ta’ Muscat nefaq kważi 5 miljun ewro fuq ħlas ta’ diliġenża li ssir fuq min japplika biex isir Malti.
Minn din l-iskema, Henley and Partners sa Ġunju tas-sena l-oħra kienu daħlu fuq 28 miljun ewro.
Fl-20 ta’ Mejju 2016, fuq il-blog tagħha, Daphne Caruana Galiza kienet żvelat li Liu huwa ċittadin Malti u ngħata l-vot fl-elezzjonijiet ġenerali. Kien żvelat ukoll l-indirizz tad-dar reġistrata fuqu hawn Malta, indirizz li aħna żorna u jidher biċ-ċar li Liu ma jgħix fih.

Skont ir-rivista Forbes, in-negozjant u l-familja tiegħu ghandhom valur ta’ $2.8 biljun, li tpoggih bħala is-691 persuna l-aktar sinjura fid-dinja kif ukoll il-95 l-aktar Ċiniż sinjur f’din il-lista. Bla dubju li Liu huwa l-aktar “Malti” sinjur anke jekk dan sar Malti billi xtara ċ-ċitadinanza.

