Ambjent Lokali

F’ġimgħa biss il-Gvern beda l-proċess biex jaqla’, jqaċċat u joqtol mal-elf siġra – PN

L-aħbar li l-Gvern beda t-tqattigħ u l-qtil ta’ madwar 550 siġra f’Santa Luċija jistħoqqilha kull stmerrija u kundanna, filwaqt li qed tkompli turi l-inutilità tal-ħidma tal-Ministru tal-Ambjent. Hekk sostna l-PN fi stqarrija maħruġa llum.

Il-kelliem tal-PN Jason Azzopardi qal li ma jistax ma jingħaqadx mal-eluf ta’ Maltin li qed juru rabja ġustifikata għall-massakru tas-siġar li l-Gvern għaddej iwettaq. Dan filwaqt li jiddeplora n-nuqqas ta’ involviment u konsultazzjoni tal-Kunsilli Lokali, speċjalment ta’ Santa Luġija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien, milquta mill-qerda ta’ tant mijiet ta’ siġar.

Kieku l-Gvern ma kienx insensittiv, kien jinvolvi bis-serjetà minn qabel lill-Kunsilli Lokali u lis-soċjetà ċivili biex jittaffa l-impatt ambjentali, li se jkun inkalkolabbli u fit-tul. Huwa biss tidwir tal-kliem meta l-Gvern jgħid li se jħawwel dawn is-siġar fi bnadi oħra, dawn is-siġar li qed jinqalgħu minn Santa Luċija, għaliex l-esperti jgħallmuna li din ma taħdimx, minbarra li hu ovvju li s-siġar li se jinżergħu taparsi b’kumpens għal dawn il-mijiet li se jinqatlu se jieħdu ħafna snin sabiex jikbru u jkunu viżibbli u jkunu jistgħu jitgawdew.

Il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lill-poplu jiftakar fil-ħafna wegħdi favur l-ambjent u fil-kliem ħelu li kien jgħid Joseph Muscat qabel l-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u l-2017, u jqabbel mal-fatti llum. Issa huwa evidenti li l-Gvern mhux biss tilef ir-ruħ soċjali imma tilef ukoll ir-ruħ ambjentali, jekk qatt kellu.