Fil-bidu ta’ Mejju 2014, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex, b’ħafna pompożità, iħabbar li l-Gvern kien se jraħħas il-prezzijiet tal-fuels b’2ċ.
Iżda llum, silenzju assolut mill-Prim Ministru, mill-Kabinett kollu tiegħu u mill-Partit Laburista għal żieda ta’ 5ċ fuq kull litru petrol u diesel. Dan meta din iż-żieda issa se tfisser li litru petrol sar jiswa €1.41 jew 2ċ biss inqas minn kif kien meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien id-doppju ta’ dak li hu llum.
Min-naħa tagħha, f’reazzjoni li ħarġet waranofsinhar, il-GWU qalet li taqbel mal-mod kif il-Gvern qed jinnegozja l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, filwaqt li talbet lill-Gvern biex jagħti kumpens finanzjarju.
Qabel l-2013, il-GWU kienet tingħaqad mal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni fl-organizzazzjoni ta’ għadd ta’ dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-Belt għax dak iż-żmien il-prezz tal-petrol kien €1.43 kull litru meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien aktar minn $111 kull barmil.
Illum, il-prezz internazzjonali taż-żejt hu n-nofs ta’ li kien dakinhar – $57 kull barmil – iżda l-Gvern ta’ Muscat xorta għażel li jgħolli l-prezz ta’ litru petrol għal €1.41. Dan minkejja li tmien snin ilu, fl-Oppożizzjoni u waqt waħda mid-dimostrazzjonjiet organizzati mill-Partit Laburista u mill-GWU, Muscat kien qal li se jkun minn tal-ewwel li jaqsam il-piż mal-poplu kollu.
Illum id-diska nbidlet mhux ħażin, tant li fl-okkażjoni ta’ żieda drastika bħal din, il-Prim Ministru sparixxa u ma kellu l-ebda attività pubblika biex jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Iż-żieda fil-petrol u d-diesel waslet f’perjodu sensittiv għall-ekonomija Maltija u li kif fisser il-Ministru tal-Finanzi innifsu, se jwassal għal ‘slowdown’ ekonomiku. Barra minhekk, iż-żieda fil-fuels hi għafsa oħra fuq il-ħaddiema u l-familji wara ż-żieda fil-prezzijiet tal-ħalib lokali u tal-bolol, fost l-oħrajn.
//= $special ?>