Lokali

Il-ħaddiema u l-familji jkomplu jġorru l-piż tort ta’ Gvern li tilef kull sens ta’ ġustizzja soċjali – PN

Il-ġustizzja soċjali titlob li l-ġid jasal għand kulħadd u mhux li l-ħaddiema u l-familji jkollhom iġorru huma l-piżijiet, tort ta’ Gvern li tilef kull sens ta’ ġustizzja soċjali.

Hekk qal il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mibgħuta mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija David Agius, dwar iż-żidiet eżaġerati fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, li daħlu b’effett mil-lum.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żieda ta’ 5ċ tfisser li s-sewwieqa se jkunu qed iħallsu għat-tielet żieda, fl-aħħar 18-il xahar, fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.

Qal li din mhux biss hi wegħda oħra tal-Gvern li qed tinkiser, iżda li għal darb’oħra, dan il-piż se jkollhom iġorruh il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.

Sadanittant, din iż-żieda eżaġerata wasslet ukoll għad-diżappunt mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista, li fi stqarrija qalet li l-fatt li l-Gvern qed jgħolli l-prodotti essenzjali, qed iħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

L-SĦPN qalet li ż-żieda ta’ 5ċ fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel hi daqqa oħra f’sensiela ta’ daqqiet li qed jaqilgħu l-familji.

Għax filwaqt li l-Gvern ftaħar li l-prezzijiet tal-fuels inżammu stabbli għal sena sħiħa, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fost l-orħos li qatt kien, issa żiedu meta l-prezz taż-żejt għadu fil-livell ta’ $57 kull barmil.