Internazzjonali

Imut iben Osama bin Laden

Skont informazzjoni li għandha l-Istati Uniti, miet Hamza Bin Laden, iben Osama Bin Laden, l-ex mexxej tal-grupp terroristiku Al Qaeda.

L-Amerikani kienu offrew miljun ewro lil min jagħti informazzjoni dwar iben Bin Laden li kien meqjus bħala l-eredi dirett ta’ missieru f’dik li hi t-tmexxija tal-grupp terroristiku.

Tliet uffiċjali Amerikani li ħabbru dan ma pprovedewx dettalji ta’ fejn u meta miet Hamza Bin Laden, jew jekk kienux involuti xi forzi Amerikani fil-mewt tiegħu.

Minkejja l-aħbar mhix konerfmata, meta mistqosi propju dwar dan, il-President Amerikan Donald Trump ma riedx jikkummenta.

L-aħħar messaġġ pubbliku li għamel Hamza Bin Laden kien lura fl-2018 meta hedded lill-Arabija Sawdija u ħeġġeġ lill-poplu tal-peniżola Għarbija għall- irvellijiet.

Hu maħsub li Hamza Bin Laden għandu madwar 30 sena, l-esperti jemmnu li kien fejn missieru fl-Afganistan qabel l-attakki ta’ 9/11 u qatta’ ħin miegħu fil-Pakistan.

In-New York Times qalet li tkellmet ma’ żewġ uffiċjali li kkonfermaw il-mewt tiegħu.

Huwa maħsub li Hamza Bin Laden hu l-15 minn 56 tifel u tifla ta’ bin Laden… minn 22 mara, iżda d-data eżatta tiegħu tat-twelid mhix ċara.