Għaddew 24 siegħa minn mindu dan is-sit żvela l-verita’ dwar iż-żjara li kellu l-Ministru Joe Mizzi fi Sqallija – iżda sa issa, skiet totali kemm mill-Gvern u anke mill-istess Ministeru li jmexxi Mizzi. Dan hekk kif inkixef it-taħwid kbir li kien hemm rigward ir-raġuni vera wara din iż-żjara, u x’ġie diskuss mal-President tar-Reġjun Nello Musumeci.
Joe Mizzi qed jgħid li mar Sqallija biex jiddiskuti l-pipeline tal-gass. Ir-Reġjun ta’ Sqallija, iżda, qed jinsisti li dawn il-laqgħat kienu intiżi sabiex issir pressjoni fuq il-Ministru Ian Borg – permezz ta’ Joe Mizzi – ħalli tibda rotta ġdida bl-ajru bejn Sqallija u Malta.
Sa issa għadu mhux ċar għaliex il-President Nello Musumeci ried iwassal dan il-messaġġ tramite Joe Mizzi, meta kellu kull opportunita’ li kieku ried jorganizza laqgħa ma’ Ian Borg, li taħtu jaqa’ r-reġistru tal-avjazzjoni.
Li hu żgur hu – dejjem skont dak li qal b’mod uffiċjali r-Reġjun ta’ Sqallija – illi kuntrarju għall-istampa li prova jagħti Joe Mizzi, il-pipeline tal-gass qatt ma ssemma’ fil-laqgħa li kellu din il-ġimgħa; proġett li l-Gvern ilu sitt snin ikaxkar saqajh fuqu.
//= $special ?>