Raġel mill-Maċedonja ta’ Fuq tilef ħajtu l-isptar Mater Dei wara li ddaħħal bi ġrieħi minn xokk elettriku. Il-każ żviluppa f’Ħ’Attard dalgħodu għall-ħabta tad-9:30am.
Kien f’dan il-ħin meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa Triq il-Ħatab, Ħ’Attard.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li raġel ta’ 28 sena mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u residenti l-Msida kien sofra xokk waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fl-imsemmija triq. Jidher li r-raġel kien qiegħed fuq cherry picker meta laqat xi wires tal-elettriku.
Fil-post ġiet imsejħa ambulanza biex tieħu lir-raġel l-isptar Mater Dei, iżda sforutnatament hu tilef ħajtu ftit wara.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>