Il-FIFA approvat iż-żieda ta’ timijiet għat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa. Sa l-aħħar edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja li saret ftit tal-ġimgħat ilu kienu qegħdin jipparteċipaw 24 tim. Issa dawn se jiżdiedu għal 32. Din l-espansjoni se tidħol fis-seħħ mill-edizzjoni li jmiss fl-2023 u fil-fatt reġa’ nfetaħ il-proċess tal-applikazzjoni għal min jista’ jospità l-edizzjonijiet futuri.
Dan se jseħħ fid-dawl ta’ żvilupp kbir u pożittiv fil-futbol femminili, li aktar ma jmur qed jikber fil-popolarità tiegħu. Ta’ min isemmi li l-ewwel edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa, li saret fl-1991, kienu biss 12-il tim li ħadu sehem.
Fl-aħħar żewġ edizzjonijiet in-numru rdoppja għal 24 u issa fl-2023 n-numru ta’ timijiet parteċipanti se jitla’ għal 32. Dan ifisser li f’perjodu ta’ 32 sena se jkunu żdiedu 20 tim.
Il-FIFA qalet li kien hemm qbil unanimu dwar id-deċiżjoni li jieħdu sehem 32 tim minflok 24, u dan ifisser li issa t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa se tkun simili għal tal-irġiel li ilha bi 32 tim sa mill-edizzjoni tal-1998 li kienet saret fi Franza.
S’issa hemm disa’ pajjiżi li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom biex jorganiżżaw l-edizzjoni li jmiss u dawn huma l-Arġentina, l-Awstralja, il-Bolivja, il-Brażil, il-Kolombja, il-Ġappun, New Zealand, l-Afrika t’Isfel u l-Korea t’Isfel. Pajjiżi oħra li jistgħu huma interessati li jorganiżżaw l-edizzjoni tal-2023 ser ikollhom ċans sa Diċembru ta’ din is-sena biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jikkompetu mad-disa’ pajjiżi l-oħra.
//= $special ?>