Futbol Sport

L-isforzi ta’ rimonta Gżirjana mtappna b’żewġ gowls mill-isbaħ

GŻIRA UNITED………………….. 2 VENTSPILS………………………….. 2

Gżira: J. Haber, J. Corbalan, R. Soares, F. Barbosa, A. Oyama, G. Conti, N. Muscat, A. Cohen, H. Kone, A. Samb (Z. Scerri 80’), J. de Assis

Ventspils: K. Makhnovskyy, S. Alcenat, A. Mamah, H. Batista, G. Mchedlishvili, A. Alfa (G. Palavandishvili 44’), P. Osipov (L. Villela 55’), E. Tidenbergs (M. Serhiichuk 69’), J. Kazacoks, A. Tosin, K. Svarups

Imwissija: A. Samb 16’, J. Corbalan 85’ (G), P. Osipov 30’, G. Mchedlishvili 64’, J. Kazacoks 76’, M. Serhiichuk 90’ (V)

Skorjaw: J. de Assis 15’, 93’ (G), J. Kazacoks 72’, M. Serhiichuk 79’ (V)

Referee: Thorvaldur Arnason (Iżlanda)

Assistenti Referees: Johann Gunnar Gudmundsson, Birkir Sigurdarson (Iżlanda)

Gżira United attakkaw għal ħinijiet twal iżda finalment kellhom x’juru biss gowl u l-anqas irnexxielhom jiksbu r-rebħa. Il-missjoni tal-Gżirjani kienet kważi impossibbli qabel il-bidu tal-konfront hekk kif riedu jirkupraw it-telfa ta’ 4-0 li sofrew fil-Latvja.

Il-Maroons deċiżament kienu l-aħjar tim tul il-logħba b’diversi attakki li uħud minnhom kienu perikolużi. Jefferson de Assis kien effettiv fl-attakk fejn rebaħ ħafna blalen filwaqt li Hamed Kone kien l-aktar li ħoloq perikli. Ventspils iddefendew għal ħinijiet twal speċjalment permezz tal-pressjoni ta’ Gżira fl-ewwel taqsima. Inċidentalment huma ħolqu tliet perikli li minnhom skorjaw tnejn u x-xutt l-ieħor ħabat mal-lasta.

Il-kowċ Giovanni Tedesco għamel bidla offensiva mit-telfa ta’ ġimgħa ilu. Amadou Samb beda għall-ewwel darba minn meta weġġa’ f’Novembru li għadda fil-kampjonat kontra Valletta. Hu ħa post Zachary Scerri, b’Juan Corbalan jinżel fuq in-naħa leminija tad-difiża f’sistema li f’xi ħinijiet kienet 4-2-1-3. Andrew Cohen lagħab aktar wara Amadou Samb, Jefferson u Hamed Kone.

Gżira fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni wara kwarta bi kross mil-lemin ta’ Hamed Kone jkun imbiegħed qasir. Il-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ JEFFERSON DE ASSIS li b’xutt fil-baxx għar-rokna minn qagħda ideali għeleb lil Kostyantyn Makhnovskyy.

Il-Maroons komplew ikunu aħjar mill-avversarji iżda fl-ewwel attakk serju tagħhom, Ventspils marru viċin id-draw fl-24 minuta, b’xutt ta’ Jevgenijs Kazacoks jaħbat mal-wieqfa u b’xi mod il-Gżirjani tefgħu l-ballun f’korner. Minuta wara xutt perikoluż ta’ Jefferson minn barra l-kaxxa għadda ftit barra.

Ċans ieħor għal Gżira fit-28 minuta b’kombinazzjoni tajba bejn Amadou Samb u Hamed Kone, bix-xutt meqjus tal-Ivorjan ikun salvat tajjeb minn Makhnovskyy. Gianmarco Conti resaq viċin li jirdoppja fit-38 minuta b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali li kien imxellef u spiċċa ftit barra.

L-aħjar okkażjoni għat-tieni gowl qabel tmiem l-ewwel taqsima waslet fit-42 minuta. Xutt ta’ Nikolai Muscat kien imxellef u spiċċa għand Amadou Samb li għeleb lil Makhnovskyy b’xutt imkaxkar iżda d-difensur ċentrali Abdoul-Gafar Mamah biegħed eżatt minn fuq il-linja.

Gżira komplew jattakkaw fit-tieni taqsima biex ifittxu li jżid it-tama ta’ rimonta. Fil-50 minuta daqqa ta’ ras ta’ Jefferson għaddiet għoli minn kross ta’ Arthur Oyama u fil-minuti ta’ wara kellhom xi tentattivi li għaddew ftit barra. Fl-64 minuta Gżira ħadmu azzjoni tajba b’Jefferson jirċievi tajjeb u għażel li jqassam fuq ix-xellug tiegħu lejn Hamed Kone li ġera għax-xutt iżda ma laħaqx il-passaġġ deċiżiv.

Il-ftit tamiet li kellhom Gżira taru mar-riħ fit-72 minuta meta Ventspils ġabu d-draw bi free-kick dirett ta’ JEVGENIJS KAZACOKS li ma tax ċans lil Justin Haber, bil-ballun jispiċċa fir-rokna. Il-moral ta’ Gżira niżel kompletament iżda baqgħu fil-pussess tal-logħba. Madankollu fid-79 minuta Ventspils marru fil-vantaġġ kontra x-xejra tal-logħob b’xutt b’saħħtu mix-xellug tas-sostitut MYKHAILO SERHIICHUK minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka, b’Haber ma seta’ jagħmel xejn fl-okkażjoni.

Gżira kienu għoddhom ġabu d-draw fit-83 minuta bi free-kick mix-xellug ta’ Kone fid-direzzjoni tad-difensur Fernando Barbosa li nxteħet biex skorja b’daqqa ta’ ras fil-baxx, iżda l-assistent referee għolla l-bandiera għal offside. It-tim ta’ Tedesco evita t-telfa lejn it-tmiem meta minn korner mil-lemin, id-daqqa ta’ ras Rodolfo Soares ħabtet mal-mimduda, bil-ballun jispiċċa għand Gianmarco Conti li qassam għan-nofs lejn JEFFERSON DE ASSIS li kompla għal ġewwa.