Sport Sport Ieħor

Marlon Caruana jirbaħ id-Demolition Derby tal-vannijiet

(Ritratt: Mario Micallef)

Marlon Caruana fuq Tata Sierra rebaħ it-tieni edizzjoni tal-Van Demolition Derby, li damet madwar 40 minuta, wara li għeleb 11-il kompetitur ieħor. B’kollox irreġistraw 16-il kompetitur iżda 12 kienu l-vetturi li għaddew mit-testijiet kollha u setgħu jikkompetu.

Flimkien ma’ Caruana, mal-aħħar tlieta kien hemm Eman Farrugia fuq Tata Sierra u Jurgen Gatt fuq Kia Carnival. It-tliet sewwieqa kienu attenti kif u b’liema parti tal-vettura se jagħti d-daqqa mortali lill-avversarji filwaqt li hu jibqa’ għaddej.

Caruana spiċċa r-rebbieħ hekk kif wara li Farrugia deher jagħti l-aħħar daqqa wiċċ ma’ wiċċ bil-konsegwenza li waqqaf lil Gatt milli jkompli jsuq u minkejja li kellu l-van għadu jaħdem, Eman Farrugia ma setax jiċċaqlaq iktar minħabba li l-vann weħel mal-vann ta’ Gatt. Caruana ħa vantaġġ u kompla jagħti d-daqqiet lil Farrugia sakemm spiċċa rtira.

Fil-bidu tad-Demolition Derby, il-kompetituri għamlu żewġ dawriet biex jesebixxu l-vetturi qabel jibdlu l-forma tagħhom. Huma kienu skortati minn karozza Ford Fiesta tal-Autocross misjuqa minn Duncan Delia, bl-iskop ikun li l-karozza titħalla fin-nofs u taqla’ l-aħħar daqqiet ukoll.

Is-sewwieqa għal din l-edizzjoni kienu Zack Woodhead (Tata Safari), Eman Farrugia (Tata Sierra), Jurgen Gatt (Kia Carnival), Clint Farrugia (Van LDV), Michael Delia (Tata Sierra), Charlie Butler (Tata Safari), Larkin Butler (Tata Sierra), Massimo Borg (Ford Transit), Marlon Caruana (Tata Sierra), Charles Clint Calleja (Tata Safari), Joshua Bowell (Hyundai Tuscan), Leo Butler (Tata Sierra).

(Ritratt: Mario Micallef)

Demolition Derby oħra mistennija ssir il-Ħadd 27 ta’ Ottubru fejn se jkun dedikata għan-nisa biss u jistgħu jieħdu sehem biss vetturi żgħar. Il-Ħadd 22 ta’ Diċembru ssir id-Demolition tal-Milied li fiha jistgħu sehem l-karozzi kbar.

B’dawn l-attivitajiet, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi qed tagħti kontribut lill-ambjent minħabba li qed tgħin biex jonqsu l-vetturi qodma mit-toroq Maltin. Matul dan l-istaġun, l-ASMK organizzat erba’ edizzjonijiet u b’kollox ħadu sehem 120 vettura.

Aktar informazzjoni tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook ASMK, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.