Il-PBS qed jirrapporta li George Degiorgio, magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’, spiċċa rikoverat l-isptar Mater Dei wara li qala’ xebgħa mingħand priġunier ieħor. Dan wara li llum, għall-ħabta tal-11.30am, inqala’ argument bejn Degiorgio u priġunier ieħor.
Sorsi oħra indikaw li fil-ħabs issejħet ambulanza li ħaditu bi skorta armata. Huwa kellu jiġi mdewwi għal ġrieħi f’rasu, għonqu, spalltu u f’sidru. Degiorgio kien mgħasses mill-uffiċjali tal-ħabs fl-Isptar sakemm ġie rilaxxat.
Iċ-Ċiniż huwa wieħed mit-tliet persuni implikati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Inċidentalment, dan l-argument seħħ fl-istess ġimgħa li fiha d-Direttur tal-Ħabs stqarr li fil-Faċilita’ ta’ Kordin spiċċa kull forma ta’ ġlied u droga.
Intant, dwar il-ġlieda li seħħet illum fil-ħabs, la l-awtoritajiet tal-ħabs u wisq aktar il-Gvern ma qalu assulutament xejn.
//= $special ?>