Lokali

Żewġ sewwieqa ta’ muturi involuti f’inċidenti separati f’Ħal Luqa

Żewġ sewwieqa ta’ muturi ittieħdu l-isptar wara li kienu involut f’inċidenti separati li t-tnejn seħħew f’Ħal Luqa f’temp ta’ ftit minuti.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-7.25 ta’ dalgħodu fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa kantuniera ma’ Vjal l-Avjazzjoni. Fl-inċident, raġel Ingliż ta’ 46 sena residenti San Pawl il-Baħar u li kien qed isuq mutur tat-tip Piaggio Vespa kellu impatt ma’ Volkswagon Golf misjuqa minn raġel ta’ 23 sena mill-Ħamrun.

F’inċident separat, raġel ta’ 43 sena miż-Żurrieq u li kien qed isuq mutur tat-tip Benelli kellu impatt ma’ karozza tat-tip Toyota Corsa meta s-sewwieq ta’ karozza pparkjata fetaħ il-bieba hekk kif kien għaddej il-mutur. L-inċident seħħ fi Triq Valletta.

Il-kundizzjoni tas-saħħa taż-żewġ sewwieqa għadha mhix magħrufa iżda fuq il-post waslu ambulanza b’timijiet mediċi sabiex jassistu lis-sewwieqa.

Aktar tard sar magħruf li r-raġel ta’ 46 sena residenti San Pawl il-Baħar kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi, filwaqt li r-raġel ta’ 43 miż-Żurrieq instab li kellu ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn l-inċidenti għadhom għaddejjin.