Iċ-champion tad-dinja tal-heavyweight Andy Ruiz Junior qal li mhux se jerġa’ jiġġieled kontra Anthony Joshua fir-Renju Unit. Ruiz ħasad lil Joshua f’New York fl-1 ta’ Ġunju u minħabba l-kuntratt li kien sar, hu obbligat li jerġa’ jiġġieled kontra l-Ingliż. Skont il-promotur ta’ Joshua, Eddie Hearn, il-Principality Stadium ta’ Cardiff kien il-favorit li jospita l-ġlieda fl-14 ta’ Diċembru.
Iżda waqt li kien qed jitkellem fuq il-podcast Joe Rogan Experience, Ruiz qal li dan mhux se jseħħ. Hu kompla li ilhom għaddejjin b’negozjati bejn it-tim tiegħu u dak ta’ Joshua. “Nippreferi li terġa’ ssir f’Madison Square Garden. The Staples Center f’Los Angeles jew Las Vegas kienet tkun tajba wkoll.” Il-boxer ta’ 29 sena rrifjuta jgħid fejn se ssir din il-ġlieda mistennija iżda qal li l-aħbar se tinxtered fil-qrib.
Żewġ pajjiżi li ma kinux żvelati liema, ippreżentaw offerti biex jorganizzaw il-ġlieda u jibqgħu għażliet possibbli, b’Hearn din il-ġimgħa jgħid li ma kienx qed jara li l-ġlieda se terġa’ ssir fl-Istati Uniti. Dan id-dewmien fl-għażla tad-data wassal għal spekulazzjoni li l-ġlieda ma kinitx se sseħħ.
Iżda Ruiz ikkonferma hu se jiġġieled kontra Joshua din is-sena. “Jien lest niġġieled ma’ kulħadd wara li nirbaħ din il-ġlieda. Tyson Fury, Deontay Wilder, kulħadd. Ruiz kiseb erba’ knockdowns u għeleb lil Joshua fis-seba’ rawnd, f’dik li hi meqjusa bħala waħda mill-akbar sorpriżi tal-istorja tal-heavyweight.
Ruiz li twieled fl-Istati Uniti iżda jiġġieled taħt bandiera Messikana minħabba l-parentela tiegħu, qal li ra l-ġlieda madwar 30 darba u żvela li ħajtu nbidlet minn meta rebaħ.
//= $special ?>