Futbol Sport

Dani Alves jirritorna jilgħab pajjiżu

Il-veteran Brażiljan Dani Alves mistenni jtemm il-karriera tiegħu f’pajjiżu hekk kif iffirma kuntratt ma’ Sao Paulo. Hu ffirma kuntratt ta’ sentejn u nofs biex se jkun qed jirritorna fil-Brażil għall-ewwel darba mill-2002 u mal-klabb tal-belt li trabba fiha.

Alves ħabbar li ma kienx se jġedded il-kuntratt maċ-champions Franċiżi Paris Saint-Germain wara li skorja fir-rebħa ta’ 5-0 li l-Brażil kisbet fuq il-Perù fil-Copa America, edizzjoni li Alves rebaħ l-aqwa plejer tat-tournament.

“Issa fl-2019, stajt nagħżel kullimkien fejn nilgħab iżda għażilt li nirritorna l-Brażil. Għal pajjiżi, għan-nies tiegħi u għall-klabb ta’ qalbi. Illum nagħlaq ċiklu ieħor f’ħajti, ċiklu ta’ rebħa, tagħlim u esperjenzi,” kiteb Dani Alves fuq Instagram.

Il-plejer ta’ 36 sena hu l-aktar plejer li rebaħ unuri fid-dinja tal-futbol b’total ta’ 40 unur. Fosthom ma’ Barcelona rebaħ sitt darbiet il-kampjonat, tliet darbiet il-UEFA Champions League u erba’ darbiet it-Tazza tar-Re. Hu rebaħ il-kampjonat ukoll Taljan u Franċiż ma’ Juventus u PSG rispettivament filwaqt li mat-tim nazzjonali Brażiljan lagħab 115-il darba.