Futbol Sport

FK Ventspils iwettqu pressjoni fuq Gżira United biex jigdbu u jiċħdu li sofrew atti razzjali

Fi tmiem il-logħba tal-bieraħ bejn Gżira United F.C. u FK Ventspils Futbola Klubs, il-goalkeeper Kostiantin Machnovskiy tkeċċa mir-referee minħabba li għadda kummenti razzisti lejn Amadou Samb.

Sfortunatament anke l-plejer ta’ Gżira tkeċċa minħabba li rritalja kawża tal-offiżi li rċieva. L-episodju saħansitra eskala u l-plejers irriskjaw li jiġu fl-idejn li kieku mhux għall-azzjoni f’waqtha u b’responsabbiltà tal-uffiċjali ta’ Gżira United F.C.

Din il-paġna issa tista’ tiżvela wkoll li l-klabb tal-Latvja qed jagħmel pressjoni biex Gżira United jiddikjaraw li dan kollu ma seħħx u li ma kien hemm l-ebda kummenti razzisti.

Filfatt, ftit tal-ħin ilu, il-klabb Malti rċieva ittra fejn jintalbu jiffirmaw u jaqblu ma’ dan. Din hi xi ħaġa li l-klabb Malti mhux lest li jagħmel, b’rispett lejn il-plejer Senegaliż li għall-ebda raġuni spiċċa vittma ta’ dan l-att kundannabbli.

Gżira United saħansitra għamlu rapport uffiċjali lill-UEFA u għaddew ukoll sensiela ta’ messaġġi bi pressjoni li saritilhom biex igiddbu lill-uffiċjali tal-logħba.