Futbol Sport

Frappart l-ewwel referee mara li se tikkontrolla finali tal-UEFA tal-irġiel

(Ritratt: Kenzo TRIBOUILLARD/AFP)

Stephanie Frappart se tidħol fl-istorja tal-futbol Ewropew hekk kif se ssir l-ewwel referee mara li se tikkontrolla logħba importanti Ewropea tal-irġiel. Hi nħatret biex tkun ir-referee tal-finali tas-Super Cup Ewropea bejn Liverpool u Chelsea fl-14 ta’ Awwissu.

Fil-logħba li se tintlagħab f’Istanbul, Frappart se tmexxi terna arbitrali li tinkludi wkoll lil Manuela Nicolosi u Michelle O’Neill, żewġ assistenti referees nisa minn Franza u l-Irlanda. L-istess referee Franċiża ta’ 35 sena kkontrollat il-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-nisa f’Lyon ix-xahar li għadda. It-Tork Cuneyt Cakir li kkontrolla l-finali tal-UEFA Champions League fl-2015 se jkun ir-raba’ uffiċjal.

Frappart kienet saret l-ewwel referee mara li kkontrollat logħba mil-Ligue 1 f’April li għadda u tinsab fil-grupp ta’ uffiċjali li huma eliġibbli li jikkontrollaw logħbiet mill-kampjonat Franċiż għal dan l-istaġun. Fl-2014, hi kienet ukoll l-ewwel referee mara li kkontrollat logħba fil-Ligue 2.

Il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin qal li kien kuntent b’din il-ħatra għaliex jemmen li l-potenzjal għan-nisa fil-futbol hu bla limitu. Hu żied li l-UEFA tagħti importanza lill-iżvilupp tal-futbol tan-nisa f’kull żona. Il-Kap tar-Referees tal-UEFA Roberto Rosetti qal li Frappart uriet fuq diversi snin li hi waħda mill-aqwa referees nisa mhux biss fl-Ewropa iżda fid-dinja.