Edukazzjoni Lokali

Ideat inaċċettabbli fir-riforma tal-MATSEC – l-MUT

Riformi serji ma jsirux b’dan il-mod. L-informazzjoni pprovduta fid-dokument konsultattiv dwar ir-riforma tal-MATSEC kienet waħda fjakka, u l-għalliema jinsabu mħassba minħabba li kien hemm nuqqas ta’ konsultazzjoni qabel ħareġ id-dokument.

Hekk qalet l-MUT fi stqarrija maħruġa b’reazzjoni għal din ir-riforma li ħabbar il-Gvern.

Rigward il-kontenut tar-riforma, l-MUT qalet li hemm tħassib kbir dwar ħafna mit-tibdil, speċjalment fejn hu radikali. L-assessjar kontinwu mhuwiex riflessjoni tas-sillabi tal-livell postsekondarju, m’hemmx mekkaniżmi dwar kif din ser taħdem, il-Malti u l-Ingliż ġew injorati kompletament b’mistoqsijiet kbar dwar il-futur tagħhom, fis-Systems of Knowledge l-edukaturi ma jafux kif ser jinbidel xogħolhom, u dwar il-lingwa barranija hemm tħassib kbir peress li se tibdel l-għażliet u r-rekwiżiti tal-istudenti għal-livell terzjarju.

Dwar din tal-aħħar, l-MUT taqbel li lingwi barranin għandhom ikunu rekwiżit biss sabiex student jidħol fil-livell postsekondarju.

L-MUT għandha tħassib kbir ukoll dwar kif il-MATSEC se tkun qed tkompli tiddetermina dak li jiġri fl-istituzzjonijiet edukattivi fis-settur postsekondarju. Hemm tħassib ukoll dwar kif erġajna morna għal sistema antika fejn l-eżamijiet iridu jsiru kollha flimkien.

Fl-aħħar nett, ir-riforma se tkun qed tibdel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fl-istituzzjonijiet postsekondarji, ħaġa li bħalissa hija ta’ tħassib kbir għal dawn il-gradi, u allura l-MUT qed tistenna li kwalunkwe riforma ta’ dan it-tip tkun diskussa magħha.

L-MUT qed terġa’ ttenni wkoll it-talba li diġà għamlet lill-Gvern, u li s’issa waqgħet fuq widnejn torox, biex jibdew in-negozjati tal-gradi fil-livell postsekondarju.

L-MUT se tkun qed tagħti reazzjoni dettaljata lill-MATSEC direttament.