Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Tielet prova ta’ missili fi tmint ijiem 

Il-Korea ta’ Fuq komunista sparat żewġ missili oħra bħala prova, bl-osservaturi jgħidu li l-missili dehru li kienu ta’ tip ġdid għal fuq id-distanzi qosra.

L-isparatura kienet it-tielet waħda fi ftit aktar minn ġimgħa mir-reġim fi Pyongyang, bl-aħħar prova tkun indikata fl-inħawi tal-kosta lejn il-lvant tal-Korea ta’ Fuq.

Sar magħruf, wara, li l-provi tal-missili seħħew, speċifikament, fiz-zona ta’ Yonghung, fil-provinċja ta’ Hamgyong, fin-naħa t’isfel tal-Korea ta’ Fuq – u bil-missili t-tnejn jispiċċaw fil-Baħar tal-Ġappun.

L-analiżi, wara, żvelat li l-missili ttajjru fil-baxx, f’għoli ta’ 25 kilometru, u b’veloċità ta’ 220 kilometru, li l-esperti qed iqisu bħala ta’ livell ‘impressjonanti’.

Is-sensiela ta’ provi mir-reġim tal-Mexxej komunista Kim Jong-un qed jidhru bħala reazzjoni għall-eżerċizzji militari konġunti li qed jippjanaw l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel. Pyongyang, intant, qed iwissi li dawn l-eżerċizzji kapaċi jżommu lura l-iżviluppi lejn bidu ġdid tat-taħditiet dwar it-tneħħija tan-nukleari mill-peniżola Koreana.

Dan meta f’nofs il-ġimgħa, ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja sejħu biex il-Korea ta’ Fuq tissieħeb f’taħditiet ‘ta’ sustanza’ mal-Istati Uniti. L-istess pajjiżi qalu li s-sanzjonijiet internazzjonali jridu jkunu infurzati bis-sħiħ għall-Korea ta Fuq sakemm Pyongyang iżarma l-programmi tiegħu għall-missili ballistiċi u nukleari.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li mhux qed jinkwieta dwar l-aħħar provi tal-missili mill-Korea komunista u li huwa stess fissirhom bħala ‘ta’ rutina’. Donald Trump qal ukoll li l-provi ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-aħħar taħditiet li kellu ma’ Kim Jong-un.

Dan minkejja li Kim Jong-un, is-sena l-oħra, kien qal li l-Korea ta’ Fuq kellha tieqaf mill-provi nukleari u ma tipprovax aktar missili ballistiċi interkontinentali.