Il-Libja qed taħseb biex tagħlaq tlieta mill-akbar ċentri li qed iżommu l-immigranti fl-artijiet tagħha. L-inizjattiva qed issir meta l-grupp Amnesty International fisser il-kundizzjonijiet tal-għajxien f’dawn iċ-ċentri bħala ‘orribbli’ u ‘inumani’.
It-tliet ċentri li se jingħalqu huma ta’ Misrata, Tajoura u Khoms, bl-organizzazzjonijiet ta’ fejda qed jinkwetaw li l-għeluq eventwali kapaċi jwassal għal iffullar akbar ta’ residenti fiċ-ċentri (għall-immigranti) li jkun fadal.
Hemm ukoll tħassib kbir li ‘ħafna aktar immigranti’, ‘il quddiem, se jispiċċaw f’idejn it-traffikanti tal-bnedmin minħabba ċ-ċirkustanzi.
In-Nazzjonijiet Uniti, ix-xahar li għadda, sejħet għat-tmiem taċ-ċentri kollha għar-refuġjati fil-Libja fost stqarrija li l-faċilitajiet mhumiex xierqa biex iżommu lin-nies.
L-immigranti li qed jinżammu fid-diversi ċentri fil-Libja qalu li t-tortura, l-istupru, il-malnutriżmu u l-firxa tal-mard huma ‘affarijiet ta’ rutina’ li huma qed ikollhom jiffaċċjaw. Ingħad ukoll li l-mard li qed jinfirex, bħat-tuberkulożi, hu dovut għall-kundizzjonijiet mill-agħar li jeżistu fiċ-ċentri.
Il-pjani tal-Libja biex tagħlaq it-tliet ċentri – u li kienu konfermati mill-Ministeru tal-Intern Libjan – qed isegwu l-kritika dwar sitwazzjoni fejn l-immigranti kienu qed jintbagħtu lura fiċ-ċentru ta’ Tajoura wara li dan, ix-xahar li għadda, kien intlaqat minn attakk missilistiku qattiel.
Iċ-ċentru ta’ Tajoura hu qrib ta’ Tripli fejn għaddej il-ġlied kontinwu bejn il-qawwiet tal-Gvern tal-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj u l-Armata Libjana tal-Lvant immexxija minn Khalifa Haftar li ilha x-xhur tmexxi offensiva fuq il-kapitali Libjana.
//= $special ?>