Lokali

“Il-PN se jinsisti biex il-Gvern jagħti sussidju mistħoqq” – David Agius

Fl-ewwel jum tax-xahar, meta f’pajjiżna kulħadd qam filgħodu u sab ma wiċċu żieda ta’ 5ċ kull litru fil-prezz tal-petrol u d-diesel, fis-swieq internazzjonali l-prezz taż-żejt ħa l-akbar daqqa ‘l isfel f’dawn l-aħħar erba’ snin. Dan meta f’jum wieħed il-prezz internazzjonali taż-żejt niżel b’7.9% għall-valur ta’ $54 kull barmil.

Dwar l-aħħar żidiet fil-prezz tal-petrol u d-diesel ħadna l-kummenti tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni ghall-Enerġija David Agius, illi sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex il-Gvern jagħti sussidju lill-familji. Huwa qal li hemm dazzju u taxxa fuq dan li huwa fost l-aktar għoli fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

“Kellna f’dawn l-aħħar xhur it-tielet żieda fil-petrol u d-diesel ta’ pajjiżna”

Iż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel se tfisser piż kbir fuq il-familji u n-negozji, partikolarment issa meta pajjiżna – kif żvela l-Ministru tal-Finanzi innifsu – jinsab riesaq lejn perijodu ta’ slowdown ekonomiku.

“Deċizzjonijiet ħżiena mill-Gvern li minħabba fihom qed ibati l-poplu Malti u Għawdxi”

David Agius insista li issa qed taqa’ l-maskla tal-Gvern illi jumejn ilu, permezz tal-magna propagandistika tiegħu, prova jagħti l-impressjoni li l-prezz taż-żejt qed jiżdied. Iżda l-verita’ hija l-oppost.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-effett taż-żieda fil-fuels irid jittieħed ukoll fil-kuntest ta’ żidiet oħra li kellna fl-aħħar jiem, partikolarment fil-prezz tal-ħalib lokali u l-posta. Dan apparti l-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali ta’ kuljum u prodotti tal-ikel li l-familji jixtru mill-ħwienet tal-merċa u s-supermarkets.