Ekonomija Kummerċ Lokali Transport

Il-prezz taż-żejt bl-akbar daqqa ‘l-isfel f’4 snin…fl-istess jum li f’Malta l-Gvern għolla l-fuels

Fl-ewwel jum tax-xahar, meta f’pajjiżna kulħadd qam filgħodu u sab ma wiċċu żieda ta’ 5ċ kull litru fil-prezz tal-petrol u d-diesel, fis-swieq internazzjonali l-prezz taż-żejt ħa l-akbar daqqa ‘l isfel f’dawn l-aħħar erba’ snin. Dan meta f’jum wieħed il-prezz internazzjonali taż-żejt niżel b’7.9% għall-valur ta’ $54 dollaru kull barmil.

Iż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel se tfisser piż kbir fuq il-familji u n-negozji, partikolarment issa meta pajjiżna – kif żvela l-Ministru tal-Finanzi innifsu – jinsab riesaq lejn perijodu ta’ slowdown ekonomiku.

Dawn il-fatti jwaqqgħu wkoll il-maskla tal-Gvern illi jumejn ilu, permezz tal-magna propagandistika tiegħu, prova jagħti l-impressjoni li l-prezz taż-żejt qed jiżdied. Iżda l-verita’ hija l-oppost.

L-effett taż-żieda fil-fuels irid jittieħed ukoll fil-kuntest ta’ żidiet oħra li kellna fl-aħħar jiem, partikolarment fil-prezz tal-ħalib lokali u l-posta. Dan apparti l-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali ta’ kuljum u prodotti tal-ikel li l-familji jixtru mill-ħwienet u s-supermarkets.