Caritas Malta tinsab imħassba li l-għoli tal-ħajja qed jolqot b’mod maġġuri lil persuni bi dħul baxx fl-iktar affarijiet essenzjali.
Dan wara li fl-aħħar xhur kienu diversi l-prodotti essenzjali li għolew fil-prezz tagħhom, fosthom il-fjuwil u l-prezz tal-posta, imma wkoll prodotti tal-ikel bħall-pastizzi, il-ħalib, il-ġobon u prodotti oħra magħmula mill-ħalib, kif ukoll il-ħobż
F’kummenti lil Net News, Caritas Malta fakkret li fil-każ ta’ persuni bi dħul baxx, il-proporzjon tad-dħul li jmur għall-ikel huwa ogħla mill-proporzjon li jonfqu dawk bi dħul medju jew ogħli.
Dan hu kkonfermat mill-aħħar studju tal-Caritas, il-Minimum Essential Budget for a Decent Living tal-2016. Studju li wera li nies bi dħul baxx tendenzjalment jonfqu madwar 45% tad-dħul tagħhom fuq l-ikel.
L-indiċi tal-prezzijiet jindikaw ukoll li fost diversi kategoriji ta’ nfiq, l-ikel huwa l-kategorija l-aktar li togħla. Filfatt l-indiċi tal-prezzijiet tal-2019 juri kif il-prezz tal-ikel żied b’iktar minn 4%.
Caritas Malta tinnota li minħabba dawn iż-żewġ fatturi, kull żieda fl-ikel…kif kellna dan l-ahhar biz-zieda fil-prezz tal-halib…. tolqot negattivament b’mod dirett lil dawk bi dħul baxx, speċjalment fuq dawk il-prodotti li huma essenzjali.
Fid-dawl ta’ dan, l-istess għaqda mhux governattiva fakkret li ilha għall-aħħar snin tisħaq li hemm bżonn jiġi rikunsidrat il-metodu ta’ aġġustament tal-ogħli tal-ħajja għal dawk il-persuni bi dħul baxx.