Ambjent Kunsilli Lokali Lokali Turiżmu

In-negozji ż-żgħar qed ibatu mill-apatija tal-Gvern li jattira turisti ta’ kwalità – PN

Negozji żgħar fil-qasam tal-bejgħ tal-ikel u servizzi qegħdin jilmentaw li l-infiq mit-turisti mhux qed ilaħħaq ma’ dak li kien mistenni minnhom.

Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Edwin Vassallo.

Ħafna negozji u ħwienet żgħar qed jistennew aħjar għaliex in-nefqa mhix tissodisfa l-investment li sar minn ħafna.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux jagħmel biżżejjed biex jara li pajjiżna jkun pajjiż nadif u jibqa’ attrazzjoni għal kull min jiġi jżurna jew fuq btala u t-telqa diżorganizzata qed tidher f’diversi oqsma.

Minflok turisti ta’ kwalità li jonfqu iżjed, sfortunatament Malta m’għadiex aktar il-prodott ta’ kwalità għat-turisti ta’ kwalità.

Il-PN jemmen li bħala pajjiż nistgħu nagħmlu akatar u nistgħu nkunu aħjar kemm għal min jgħix bħala resident kif ukoll għal minn jiġi jżur pajjiżna. Dan meta l-għoli tal-ħajja sar fattur li qed joħloq diffikultajiet għar-residenti u l-komunità kummerċjali, sostna l-PN.

Bħala Gvern alternattiv, il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jara li jaħdem mas-setturi kollha involuti biex pajjiżna jerga’ jkun prodott ta’ kwalità u jkun fl-aħjar pożizzjoni li jattira l-aktar persuni li jżuru pajjiżna li mill-konsum tagħhom igawdu wkoll in-negozji u l-ħwienet iż-żgħar.