Lokali Transport

Is-soluzzjoni għaż-żieda u l-problemi fit-traffiku m’għandhiex tkun biss li nżidu aktar karozzi tal-linja fit-toroq – PN

Is-soluzzjoni għaż-żieda u l-problemi fit-traffiku m’għandhiex tkun biss li nżidu aktar karozzi tal-linja fit-toroq, iżda billi tiżdied l-effiċjenza u l-puntwalità ta’ dan is-servizz, aktar u aktar meta dawn se jispiċċaw jeħlu fit-traffiku qawwi bl-ammont ta’ karozzi privati ġodda li kuljum qegħdin jiżdiedu.

Toni Bezzina kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura qal li huwa ċar li ż-żieda fl-ammont ta’ karozzi privati ġodda jfisser li l-poplu Malti mhux moqdi bit-trasport pubbliku allavolja qed inhallsu €30 miljun fis-sena f’sussidji u għalhekk il-poplu qieghed ikollu jirrikorri għall-karozza privata biex jasal minn post għal ieħor.  L-unika raġuni li żdied il-patrunaġġ fit-trasport pubbliku huwa li żdiedu l-ammont ta’ barranin f’pajjiżna li bilfors jkollhom jużaw t-trasport pubbliku, speċjalment fl-ewwel snin tagħhom fostna. Iż-żieda fil-karozzi privati tfisser wkoll li m’hawnx alternattiva effiċjenti.

L-Oppożizzjoni tqis li l-Gvern għandu jieħu deċiżjonijiet ferm iżjed kuraġġużi minn hekk u jinvesti f’sistema tat-trasport tal-massa li tkun waħda effettiva, efficjenti, puntwali kif ukoll eco-friendly, b’tali mod li l-Maltin u l-Għawdxin jagħmlu użu minnha sabiex ma jkollhomx għalfejn jużaw il-karozza personali tagħhom biex imorru x-xogħol jew biex jiċċaqalqu minn lokalità għall-oħra. 

L-aħħar statistika maħruġa mill-NSO turi li l-ammont tal-karozzi rreġistrati f’Malta żdiedu bil-kbir u fuq medda ta’ tliet xhur sal-aħħar ta’ Ġunju kien hawn aktar minn 390,000 karozza fit-toroq tagħna. Huwa ta’ tħassib ukoll il-fatt li mhux qed isiru sforzi biżżejjed u tagħlim biex il-karozzi tal-elettriku jsiru alternattiva vijabbli għall-karozzi li jagħmlu użu mill-fuel. Filfatt l-istess statistika tal-NSO turi li l-ammont tal-karozzi elettriċi u hybrid jammontaw biss għal 0.8% jew ftit aktar minn 3,000 karozza. 

Fi żmien meta t-tibdil fil-klima se jkollu riperkussjonijiet kbar fil-ħajja tan-nies u mhux inqas fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, il-Gvern ma jistax jibqa’ jħares u kull ma jagħmel iżid il-karozzi tal-linja biss u jistenna li l-problema tat-traffiku tissolva waħedha. Il-problemi tat-traffiku mhux se jissolvew billi nkomplu nħammġu l-arja, meta pajjiżna diġà għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa kollha.

L-Oppożizzjoni għalhekk tħeġġeġ lill-Gvern biex fl-aqwa żmien isir l-investiment meħtieġ biex pajjiżna jsir carbon neutral u jinċentiva bl-aħjar mod l-użu tal-karozzi elettriċi filwaqt li jinvesti f’sistema tat-trasport tal-massa effiċjenti u rapida.