Il-vapur Alan Kurdi tal-għaqda Sea-Eye jinsab fi triqtu lejn Malta wara li l-Gvern Taljan ma laqax it-talba tal-kaptan sabiex il-bastiment jidħol fil-port Taljan ta’ Lampedusa. Dan wara li l-Viċi Prim Ministru Matteo Salvini baqa’ jimblokka l-portijiet.
Ilbieraħ is-Sea-Eye salvaw 40 immigrant minn fuq dinghy 29 mil nawtiku ‘l barra mill-Libja. L-immigranti ttieħdu abbord il-vapur Alan Kurdi u skont l-ewwel informazzjoni jidher li fost il-persuni salvata hemm mara tqila u tliet itfal.
Il-persuni salvata ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom mill-Kongo, min-Niġerja, mill-Mali, mill-Ghana, u mill-Kosta tal-Avorju.
Mill-bidu tas-sena f’pajjiżna daħlu aktar minn 1,100 immigrant.
