Studju li sar fl-aħħar xhur sab li kwart tat-tfal Maltin irċivew messaġġi fuq l-internet b’kontenut sesswali waqt li terz ikunu diġa’ raw stampi ta’ natura sesswali onlajn sal-eta’ ta’ 16-il sena.
L-istudju, li sar minn Loreen Farrugia, analizza xejn inqas minn 1,381 tifel u tifla fl-iskejjel Maltin bhala parti minn inizjattiva Ewropea bl-isem ta’ EU Kids Online Survey.
“Għaxra fil-mija qalulna li kienu huma stess li tefgħu onlajn jew bagħtu messaġġi ta’ din in-natura.”
Dan apparti li kważi 40% ddikjaraw li ltaqgħu ma’ xi ħaġa li dejqithom waqt li kienu onlajn, 16% ammettew li użaw l-internet b’mod ħażin billi weġġgħu jew trattaw ħażin lil ħaddieħor waqt li 7.7% stqarrew li kien hemm min sab fejn kienu billi segwilhom il-mobile jew xi mezz ieħor ta’ komunikazzjoni.
Ir-riżultat tal-istudju, bil-kollaborazzjoni tal-Professur Marianne Lauri u l-inizjattiva lokali Be Smart Online issa mistennija jkunu analizzati u mqabbla wkoll ma’ studji oħra. Dan hekk kif studji simili saru fi 28 pajjiż Ewropew ieħor.
“Diġa kienu saru xi studji oħrajn, anke f’Malta, u allura nkunu nistgħu nikkumparaw kemm mal-istudju li sar fis-snin li għaddew u anke mal-pajjiżi Ewropej l-oħra li qed jipparteċipaw.”
Ir-riżultati preliminari jagħtu indikazzjoni wkoll tal-ammont ta’ ħin li t-tfal u żgħażagħ Maltin iqattgħu onlajn.
“Waħda mill-affarijiet li ħarġet hi li t-tfal jgħaddu medja ta’ tliet sigħat kuljum. Ovjament tfal li huma ftit iżgħar iqattu ftit inqas imma imbagħad tfal li huma ftit ikbar, ta’ 15 u 16-il sena jiżdied għal iktar minn erba’ sigħat.”
Apparti mill-mużika u l-filmati, li huma fost ir-raġunijiet prinċipali għaliex it-tfal ikunu onlajn, ir-riżultati jindikaw li għadu baxx ħafna l-użu tal-internet għall-aċċess tal-informazzjoni.
Isaac Sammut, mill-proġett Be Smart Online, jiddikjara li dan l-istudju se jagħti daqqa t’id biex titqajjem kuxjenza fuq l-użu responsabbli u sigur tat-teknoloġija.
“Aħna rridu nħeġġu lit-tfal li jużaw it-teknoloġija, pero jkunu konxju wkoll tar-riskji li hemm barra. Permezz ta’ dan l-istudju, se jkollna stampa ċara tas-sitwazzjoni li hawn f’Malta u fuqhom se nibnu azzjonijiet l inkunu nistgħu nindirizzaw dawn il-fatti li qed naraw mill-istudju.”
L-istudju mistenni jgħin ukoll lill-Kummissarju tat-Tfal u anke lill-Pulizija biex huma wkoll jadattaw il-ħidma tagħhom fuq ir-realtajiet tal-ġurnata ta’ llum.