Żdiedet il-possibbiltà li d-dinja terġa’ tgħaddi minn tellieqa għall-armamenti wara l-aħbar li l-Istati Uniti rtirat formalment mit-tattat nukleari ewlieni mar-Russja.
It-trattat – magħruf bħala l-Intermediate-Range Nuclear Forces Treaty (INF) – kien iffirmat mill-eks President Amerikan Ronald Reagan u l-eks President Sovjetiku, Mikhail Gorbachev, fl-1987. Il-patt, li ntlaħaq fl-aħħar fażi tal-Gwerra Bierda, serva biex jipprojbixxi l-missili li jwasslu fuq distanzi ta’ bejn il-500 u l-5,500 kilometru.
Aktar kmieni din is-sena, l-Istati Uniti u n-NATO akkużaw lir-Russja dwar abbuż tal-ftehim bl-istazzjonar ta’ tip ġdid ta’ missila ‘cruise’ – u b’Moska tiċħad għall-akkuża.
L-Amerikani qalu li kellhom provi li r-Russja stazzjonat numru ta’ missili tat-tip 9M729, bl-akkuża, imbagħad, tkun evalwata mill-Istati alleati tan-NATO li kollha appoġġjaw il-pożizzjoni tal-Istati Uniti.
Sadanittant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li ‘ir-Russja għandha ġġorr waħedha r-responsabbiltà għall-falliment tal-ftehim storiku’.
Pompeo kompla li l-Istati Uniti, bl-appoġġ sħiħ tal-alleati tan-NATO, iddeterminat li r-Russja abbużat biċ-ċar il-patt tal-1987 u bl-Amerikani, għaldaqstant, jissospendu l-obbligi tagħhom taħt it-trattat.
Il-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin, min-naħa tiegħu, wieġeb li t-Trattat tal-INF ‘issa spiċċa formalment’.
Dan meta t-tmiem tat-trattat (l-uniku wieħed għal diżarm li qatt elimina kategorija sħiħa ta’ armi nukleari) jirrappreżenta disfatta sinifikanti għall-attivisti favur il-kontroll tal-armi.
Il-President Amerikan, Donald Trump, fi Frar li għadda, fassal it-2 ta’ Awwissu (ilbieraħ) bħala d-deadline għall-irtirar tal-Istati Uniti mill-patt, fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni ċara (mal-kriterji tal-ftehim) min-naħa tar-Russja.
Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ftit wara kien issospenda l-obbligazzjonijiet ta’ pajjiżu rigward it-trattat.
Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg, qal, issa, li l-alleanza transatlantika għandha ‘twieġeb b’mod meqjus u responsabbli’ għall-element ta’ sogru sinifikanti min-naħa tal-missila 9M729 ( tar-Russja) għas-sigurtà tal-alleati.
Madankollu, Stoltenberg insista li n-NATO ‘ma tridx tellieqa ġdida għall-armi’, filwaqt li kkonferma li mhemm l-ebda pjani biex l-Alleanza tistazzjona l-missili nukleari tagħha fl-artijiet tal-Ewropa.
//= $special ?>