Maċedonjan ta’ 23 sena ġie mixli li fil-bidu tax-xahar li għadda huwa kkommetta stupru fuq tfajla Maltija ta’ 21 sena, liema allegat stupru seħħ f’appartament ġewwa San Pawl il-Baħar. L-akkużat kien għadu kemm jiltaqa’ mat-tfajla u għamlu lejla flimkien.
Martin Antevski wieġeb li mhux ħati li kkkommetta dan ir-reat iżda ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba li huwa m’għandux rabtiet ma’ Malta. L-Ispettur Clayton Camilleri li resssaq lil Antevski qal li l-akkużat ilu jiġi mfittex mill-Pulizija għal dawn l-aħħar ġimgħat u li nqabad il-Ġimgħa filgħodu fuq il-Katamaran sejjer lejn Sqallija.
L-Avukat Lennox Vella li deher għall-akkużat għamel talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi punti fosthom li l-każ seħħ ftit aktar minn xahar ilu u l-fatt li l-allegata vittma diġa xehdet fl-inkjesta dwar dan il-każ u għalhekk mhemm xejn li jista’ jiġi kontaminat.
Minn naħa tiegħu l-Ispettur Camilleri qal li Antevski kien jgħix mal-ħbieb tiegħu u telaq u kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija. Qal ukoll li huwa missier ta’ tarbija ta’ seba’ xhur u li din tinsab f’pajjiżu.
Dwar ir-rabtiet, l-Avukat Vella qal li dan m’għandux jimpedixxi lill-klijent tiegħu li jingħata l-libertà proviżorja u li Antevski mar tliet darbiet għand il-Pulizija biex jieħu sodisfazzjon dwar il-każ tiegħu fejn kien wasal, iżda baqa’ ma ngħatax informazzjoni.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech staqsiet lill-akkużat jekk jaħdimx f’Malta b’mod legali u filwaqt li huwa qal li ilu Malta għal aktar minn xahar huwa jaħdem ‘part-time’ mal-kumpanija lokali tas-sigurtà u li ilu jaħdem magħha għal dawn l-aħħar erba’ t’ijiem, u li qed jaħdem magħha b’mod illegali.
Meta qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u l-fatt li huwa stess ammetta li qed jaħdem f’Malta llegalment u għalhekk għandu ftit li xejn rispett lejn il-liġijiet tal-pajjiż u rabtiet ta’ xejn ma’ Malta, għaldaqstant it-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet miċħuda.
//= $special ?>