Futbol Sport

Manchester United jilħqu ftehim għal Harry Maguire

Rapporti fil-media Ingliża qed jirrappurtaw li Manchester United laħqu r-rikjesta ta’ Leicester biex jakkwistaw lid-difensur Harry Maguire. Hu mifhum li t-trasferiment se jkun ta’ madwar €87 miljun flimkien ma’ xi bonus, u jonqos li l-plejer jilħaq ftehim personali u jagħmel l-eżami mediku.

Leicester ma kinux qed ifittxu li jneħħu lill-Ingliż u kienu qed jitolbu €90 miljun għal Maguire li b’hekk mistenni jsir l-aktar difensur li qatt sewa flus fl-istorja. Ir-rekord biex jiġi akkwistat difensur kien ta’ Liverpool li f’Jannar tas-sena l-oħra kienu akkwista lil Virgil van Dijk mingħand Southampton għal aktar minn €80 miljun.

L-internazzjonali Ingliż ta’ 26 sena tħalla barra mill-iskwadra ta’ Leicester li llejla se tilgħab kontra Atalanta f’partita ta’ ħbiberija fil-King Power Stadium. Maguire kien ingħaqad ma’ Leicester fl-2017 mingħand Hull għal madwar €15-il miljun.

Hu mistenni jsir it-tielet akkwist ta’ Manchester United f’dan is-suq tat-trasferimenti wara Daniel James mingħand Swansea u Aaron Wan-Bissaka mingħand Crystal Palace li bejniethom swew madwar €75 miljun.