Futbol Sport

Mandzukic jista’ jidħol fit-trasferiment ta’ Lukaku

Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li Manchester United iddiskutew l-akkwist ta’ Mario Mandzukic hekk kif komplew id-diskussjonijiet ma’ Juventus dwar Romelu Lukaku. Iż-żewġ timijiet qablu fil-prinċipju biex Lukaku jingħaqad ma’ Juventus filwaqt li Paulo Dybala jingħaqad mat-tim Ingliż.

Iżda l-Arġentin għadu jrid jaqbel it-termini personali ma’ Manchester United, b’Mandzukic issa qed ikun ikkunsidrat bħala għażla. Jidher li biex Lukaku jingħaqad ma’ Juventus, irid ikun inkluż plejer li jingħaqad ma’ Manchester United, bl-għażla tal-plejer iħalli effett potenzjali fuq somma ta’ flus mat-trasferiment.

Mandzukic skorja 10 gowls fi 33 logħba ma’ Juventus fl-istaġun li għadda. Fl-erba’ snin li lagħab mal-Bianconeri, Mandzukic rebaħ erba’ darbiet is-Serie A, tliet darbiet il-Coppa Italia u s-Supercoppa Italiana.

B’hekk it-trasferiment bejn Dybala u Lukaku jiddependi mill-preferenza ta’ Dybala, b’rapporti fl-Italja jgħidu li Dybala mhux se jirritorna għat-taħriġ qabel it-Tnejn li ġej. Intant Inter għadhom qed isegwu s-sitwazzjoni u jikkunsidraw jagħmlu offerta oħra għal Lukaku jekk Dybala jirrifjuta li jmur ma’ Manchester United.