Internazzjonali

Permess lin-nisa Sawdi biex jivvjaġġaw b’mod indipendenti

Direttiva Irjali li ħarġet ilbieraħ ikkonfermat li n-nisa fl-Arabja Sawdija, minn issa ‘il quddiem, jistgħu jivvjaġġaw barra pajjiżhom mingħajr il-permess ta’ kustodju maskili.

Intant, ir-regola ġdida tippermetti biex in-nisa ‘il fuq minn 21 sena japplikaw għal passaport mingħajr awtorizzazzjoni, l-istess bħal fil-każ tal-irġiel.

In-nisa Sawdi, fl-istess ħin, qed jingħataw ukoll id-dritt biex jirreġistraw każi ta’ twelid, żwieġ jew divorzju.

Filwaqt li l-attivisti qed jgħidu li l-Arabja Sawdija għandha tagħmel ħafna aktar b’risq id-drittijiet tal-mara, dan il-pajjiż, fl-aħħar xhur, naqqas numru ta’ restrizzjonijiet soċjali għan-nisa li kienu ilhom effettivi għal snin.

L-Arabja Sawdija ilha tattira ‘attenzjoni’ minħabba l-mod kif is-soċjetà tagħha titratta liċ-ċittadini nisa. Il-kwistjoni ilha tispikka u tingħata enfasi permezz ta’ diversi każi ta’ profil għoli, fejn in-nisa Sawdi pruvaw isibu l-kenn ‘il bogħod min pajjiżhom.

Il-Prinċep Mohammed bin Salman – effettivament il-Mexxej tal-Arabja Sawdija – qed jipprova jnaqqas mill-projbizzjonijiet għan-nisa f’pajjiżu, b’direttiva oħra sinifikanti tkun it-tneħħija (is-sena l-oħra) tal-projbizzjoni fuq is-sewqan.

Iżda minkejja l-inizjattivi biex il-ħajja għan-nisa Sawdi ma tibqax ripressiva, il-Prinċep Salman xorta ħa l-miżuri ħorox fil-konfront tal-attivisti favur id-drittijiet tal-mara fil-pajjiż – b’bumru ta’ attivisti jispiċċaw suġġetti għal proċessi tal-qorti fix-xhur riċenti.

U minkejja l-aħħar riformi, xorta għadhom effettivi elementi oħrajn tas-sistema ‘għall-kustodju tan-nisa mill-irġiel’ fl-Arabja Sawdija.

Dan meta n-nisa Sawdi, fost oħrajn, jeħtieġu l-permess ta’ raġel, membru tal-familja, biex jiżżewwġu jew jgħixu waħedhom. In-nisa Sawdi, fl-istess ħin, ma jistgħux jgħaddu d-dritt taċ-ċittadinanza lil uliedhom u lanqas ma jistgħu jagħtu permess lill-uliedhom biex jiżżewwġu.