Formula 1 Sport

Possibbiltà li l-kalendarju tas-sena d-dieħla jinkludi 22 Grand Prix

(Ritratt: Dan Istitene/Getty Images)

Il-kalendarju tal-Formula 1 għas-sena d-dieħla jista’ jikber għal rekord ta’ 22 Grand Prix wara li l-gvern Katalan approva estensjoni ta’ sena kuntratt għall-Grand Prix ta’ Spanja fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja.

Il-kuntratt eżistenti jiskadi din is-sena u dan iċ-ċirkwit kien ikkunsidrat fost dawk li jistgħu jitilfu posthom. L-awtoritajiet Katalanti qalu fi stqarrija li awtorizzaw il-firma mal-Formula 1 għas-sena d-dieħla. Din l-estensjoni se tiggarantixxi li tkun organizzata Grand Prix f’dan iċ-ċirkwit għat-30 edizzjoni konsekuttiva.

Il-Ġermanja li l-ġimgħa l-oħra organizzat il-Grand Prix fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim, hemm possibbiltà li titneħħa mill-kalendarju iżda l-Vietnam se tagħmel id-debutt b’tellieqa f’Hanoi filwaqt li l-Olanda se tirritorna għall-ewwel darba mill-1985 biex tieħu vantaġġ mill-popolarità ta’ Max Verstappen.

Il-kuntratt tal-Grand Prix tal-Messiku jiskadi wkoll fi tmiem is-sena iżda l-Formula 1 trid iżżomm wieħed mill-aktar avvenimenti b’attendenza għolja. Ftehim għal Messiku u estensjoni għal Barcelona jkabbru l-kalendarju għal 22 tellieqa, iżda biex dan iseħħ ukoll hemm bżonn l-approvazzjoni wkoll tat-timijiet.

Fil-passat, it-timijiet esprimew tħassib dwar 22 tellieqa li tkompli żżid il-piż fuq in-nies u l-familji tagħhom. Dan l-istaġun beda f’Marzu u se jintemm f’Diċembru.