Internazzjonali

Renju Unit: Ir-riżultat ta’ by-election jikkonferma ‘l-iżgħar maġġoranza possibbli’ għal Boris Johnson

Il-Partit Liberali Demokratiku rebaħ il-by-election għal Brecon and Radnorshire u li jfisser li l-Prim Ministru u Kap ġdid tal-Konservattivi, Boris Johnson, issa fadallu maġġoranza ta’ siġġu wieħed biss fil-Parlament ta’ Londra.

F’din il-by-election, Jane Dodds irnexxielha tegħleb lill-kandidat Konservattiv, Chris Davies – bil-votazzjoni anki titqies bħala l-ewwel eżami elettorali għal Johnson, ftit aktar minn ġimgħa mindu hu laħaq Prim Ministru. Din kienet anki l-aktar ‘telfa bikrija’ f’by-election għal Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit mit-Tieni Gwerra ‘il hawn.

Intant, Boris Johnson issa spiċċa bl-iżgħar maġġoranza possibbli fil-Parlament u fejn se jkollu jiddependi aktar minn qabel fuq l-appoġġ tad-deputati Konservattivi u l-alleati tal-Partit DUP (tal-Irlanda ta’ Fuq) biex jgħaddi l-leġislazzjoni mill-voti kruċjali fil-House of Commons.

Ir-rebħa għal Dodds tfisser li l-Liberali Demokratiċi issa għandhom 13-il deputat fil-Parlament.

Intant, iċ-Chairman tal-Partit Konservattiv, James Cleverly, wassal messaġġ lid-deputati tal-partit tiegħu li huma mħassbin dwar il-politika tal-Gvern dwar il-Brexit li ‘Boris Johnson ingħata mandat ċar mid-deputati fil-parlament’ u li ‘il-Konservattivi kollha għandhom id-dmir li jappoġġjaw il-politika speċifika tal-Prim Ministru ġdid’.