Lokali Qorti

Repubblika tallega “ksur tal-liġi” mill-Qorti fil-każ tal-isptarijiet fi protest li ppreżentat

L-għaqda Repubblika ppreżentat protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qegħdin jitolbu lil Reġistratur tal-Qorti biex mingħajr aktar dewmien tiġi assenjata l-inkjesta Maġisterjali fil-każ kontroversjali tal-Vitals.

Hija qalet li tinsab konċernata li l-ordni ta’ Maġistrat biex tinfetaħ inkjesta dwar il-privatizzazzjoni ta’ wħud mill-isptarijiet pubbliċi qed tiġi “injorata mill-amministrazzjoni tal-Qorti” bi ksur tal-liġi.

Repubblika spjegat li l-inkjesta ġiet ordnata fit-18 ta’ Lulju. Dawk il-persuni identifikati bħala s-suspettati kellhom perjodu li fih setgħu jappellaw. Mill-erba’ suspettati, Edward Scicluna, Konrad Mizzi, u Chris Cardona appellaw. Ir-raba’ suspettat, Ivan Vassallo, ma appellax. Skont Repubblika, Vassallo għandu jkun is-suġġett ta’ inkjesta li diġà kellha tibda.

Repubblika qalet li disgħat ijiem wara li kellha l-inkjesta, ġiet infurmata mill-Qorti tal-Appell biex tikkummenta dwar it-talba tar-Reġistratur tal-Qrati għat-talba għall-case file biex l-inkjesta tkun tista’ tibda. Qalet ukoll li dan sar għalkemm Vassallo ma rrikorriex għand il-Qorti tal-Appell.

Ġimgħatejn ilu l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet talba tar-Repubblika biex ikun magħruf jekk kienx hemm kompliċità kriminali minn naħa tat-tliet Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi, Chris Cardona, kif ukoll minn naħa ta’ Ivan Vassallo, sid ta’ kumpanija li tissuplixxi l-mediċini, fit-traferiment li sar tal-isptarijiet St Luke’s, Karin Grech u l-isptar ta’ Għawdex lil Vitals Global Healthcare.

Fi kliem Repubblika, l-Qorti kull ma kellha tagħmel huwa li ttella’ l-polza fit-23 ta’ Lulju peress li kellha aċċess għal kopja legali tad-digriet tal-Maġistrat tat-18 ta’ Lulju.

Repubblika qalet ukoll li għamlet protest ġudizzjarju mal-Qorti biex titlob lill-amministrazzjoni tal-Qorti issegwi l-liġi. Żiedet tgħid li tinsab irrabjata lejn dan id-dewmien mhux ġustifikat u llegali.

“Huwa ċar li l-interessi tal-Gvern jiġu moqdija bl-aħjar mod jekk din l-inkjesta ma ssirx. Fuq livell personali, ministri tal-Gvern qed jappellaw deċiżjonijiet tal-Qrati u qed jitfgħu tattiċi biex idewmu l-affarijiet biex jipprevjenu investigazzjonijiet. Dan huwa abbuż tal-liġi fl-istess ħin li jkun qisu jidher li l-liġi qed tiġi segwita,” qalet Repubblika.

Fir-rikors oriġinali ta’ Repubblika, l-għaqda qalet li wriet kif il-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi taw vantaġġ skorrett u sproporzjonat lil azzjonisti t’ażjenda privata biex imexxu l-isptarijiet pubbliċi Maltin.