Lokali

Talba għall-kumpens minħabba ż-żidiet

Vuċi waħda u b’saħħitha kontra ż-żieda fil-prezz tal-petrol u d-diesel

Kienu numru ta’ unions u korpi kostitwiti li ħarġu numru ta’ reazzjonijiet għaż-żieda fil-prezz tal-fjuwils li ġiet fis-seħħ fil-bidu ta’ Awwissu.

Il-UĦM Voice of the Workers f’kummenti li ta Josef Vella lil Net News qed titlob spjegazzjoni dwar kif l-Enemed qed tasal għall-prezz finali tal-petrol u d-diesel. Sar appell biex il-Gvern jieqaf jinjora lill-UĦM u jibda jagħti widen lill-familji Maltin li ntlaqtu ħażin minn dawn iż-żidiet, l-aktar dawk li għandhom dħul baxx u dawk b’paga medja. Minħabba dan l-UĦM infatti qed tħeġġeġ lill-Gvern sabiex bl-aktar mod immedjat jikkumpensa lill-ħaddiema, il-familji tagħhom u l-pensjonanti.

Vella fakkar illi filwaqt li l-paga medja netta f’Malta hija ta’ 33 fil-mija taħt dik Ewropea, żgur li l-prezzijiet lokali għall-konsumatur Malti mhumiex 33 fil-mija irħas tal-medja Ewropea.

Il-UĦM sostmiet li l-Gvern diġà injora proposta li kienet saret sabiex jagħti kumpens għaż-żieda fil-prezz tal-ħobż.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li żieda bħal se tħalli impatt fuq il-kompettività tal-pajjiż. Kevin Borg, id-Direttur Ġenerali tal-istess kamra qal li żieda fil-prezz tal-fjuwil hija waħda ta’ diżżapunt għall-membri tal-istess kamra.

Huwa insista li din taf tħalli effett fuq l-ekonomija Maltija b’mod inġenrali u anki impatt negattiv fuq numru ta’ negozji Maltin biex jikompettu ma’ dawk ta’ internazzjonali.

Reazzjoni simili kienet minn Joe Farrugia id-Direttur Ġenerali tal-Malta Employers’ Association (MEA), fejn qal li permezz ta’ din iż-żieda il-konsumatur jaf ibati konsegwenzi oħra, għax fir-realtà ż-żieda fil-fjuwil taffetwa kull settur.

Huwa għalaq billi qal l-kompettività tan-negozji Maltin ma’ dawk internazzjonali, se tkun affetwata b’mod sostanzjali minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil.

Intant Alfred Farrugia il-President tal-Malta Automobile Club permezz ta’ stqarrija ikkonferma li l-Gvern qiegħed iqarraq biċ-ċifri fuq il-prezz tal-petrol, għax fil-verità l-prezzijiet tal-fjuwil f’pajjiżna huma għola mill-medja Ewropea.